Ġenesi 27:1-46

  • Ġakobb jieħu l-barka mingħand Iżakk (1-29)

  • Għesaw irid ikun imbierek imma ma jindimx (30-40)

  • Il-mibegħda kbira t’Għesaw għal Ġakobb (41-46)

27  Meta Iżakk xjaħ u l-vista tiegħu naqset sew, għajjat lil ibnu l-kbir Għesaw u qallu: “Ibni!” Hu wieġbu: “Hawn jien!”  U hu qallu: “Jien xjaħt u ma nafx meta se mmut.  Għalhekk, jekk jogħġbok, issa ħu l-vleġeġ u l-qaws tiegħek, u oħroġ aqbad annimal salvaġġ għalija.  Imbagħad agħmilli platt ikel tajjeb kif inħobbu jien u ġibhuli ħa nieklu, sabiex jien* inkun nistaʼ nbierkek qabel ma mmut.”  Madankollu, Rebekka semgħet lil Iżakk ikellem lil ibnu Għesaw. U Għesaw ħareġ jikkaċċja biex iġib dak li jaqbad lil missieru.  U Rebekka qalet lil binha Ġakobb: “Għadni kif smajt lil missierek ikellem lil ħuk Għesaw, u qallu,  ‘Ġibli dak li taqbad mill-kaċċa u agħmilli platt ikel tajjeb ħa nieklu, biex inbierkek quddiem Ġeħova qabel ma mmut.’  U issa ibni, oqgħod attent għal dak li se ngħidlek u agħmel kif qed ngħidlek.  Jekk jogħġbok, mur u ġibli tnejn mill-aqwa gidjien mill-merħla biex nagħmel platt ikel tajjeb għal missierek, kif iħobbu hu. 10  Imbagħad ħudu lil missierek ħalli jieklu, sabiex ibierkek qabel ma jmut.” 11  Ġakobb qal lil ommu Rebekka: “Imma ħija Għesaw hu raġel sufi u jien m’iniex. 12  X’jiġri jekk missieri jmissni? Imbagħad żgur li jinduna li qed nidħaq bih, u nġib saħta fuqi minflok barka.” 13  U ommu wiġbitu: “Fuqi tkun is-saħta li tistaʼ tiġi fuqek, ibni. Int ismaʼ minni u mur ġibhomli.” 14  Għalhekk, mar, ġabhom, u tahom lil ommu, u ommu għamlet platt ikel tajjeb kif kien iħobbu missieru. 15  Imbagħad Rebekka ħadet l-aħjar ħwejjeġ taʼ binha l-kbir Għesaw, li kellha d-dar, u libbsithom lil binha ż-żgħir Ġakobb. 16  U poġġietlu l-ġlud tal-gidjien fuq idejh u fuq il-parti bla suf t’għonqu. 17  Imbagħad lil binha Ġakobb tatu f’idu l-platt ikel tajjeb u l-ħobż li kienet għamlet. 18  U hu daħal ħdejn missieru u qallu: “Pa!” u dan wieġbu: “Hawn jien! Min int, ibni?” 19  Ġakobb qal lil missieru: “Jien Għesaw, l-ewwel imwieled tiegħek. Għamilt eżatt dak li għedtli. Qum bilqiegħda jekk jogħġbok, u kul ftit minn dak li qbadtlek, sabiex int* tberikni.” 20  Għal dan, Iżakk qallu: “Kif sibtu daqshekk malajr?” Hu wieġbu: “Għaliex Ġeħova l-Alla tiegħek għenni nsibu.” 21  Imbagħad Iżakk qal lil Ġakobb: “Ersaq qrib, jekk jogħġbok, ħalli mmissek, ibni, ħa nkun naf jekk intix tassew Għesaw jew le.” 22  Għalhekk, Ġakobb resaq qrib missieru Iżakk, u dan messu u qal: “Il-leħen hu taʼ Ġakobb, imma l-idejn huma t’Għesaw.” 23  Hu m’għarfux għax idejh kienu kollha suf bħal idejn ħuh Għesaw. Għalhekk bierku. 24  Imbagħad staqsieh: “Int veru ibni Għesaw?” u wieġbu: “Iva.” 25  U hu qallu: “Ibni, ġibli ftit mil-laħam tal-annimal li qbadtli biex wara li nieklu, jien* inbierkek.” U ġabhulu u kiel, u ġablu l-inbid u xorob. 26  U missieru Iżakk qallu: “Jekk jogħġbok ibni, ersaq qrib u busni.” 27  Għalhekk, resaq qrib u biesu, u Iżakk setaʼ jxommlu r-riħa taʼ ħwejġu. Imbagħad bierku u qallu: “Ir-riħa taʼ ibni hi bħar-riħa tal-għelieqi li Ġeħova bierek. 28  Jalla l-Alla l-veru jagħtik in-nida tas-sema, il-ħamrija fertili tal-art, u abbundanza taʼ ċereali* u nbid ġdid. 29  Ħa jaqduk il-popli u ħa jmilu quddiemek il-ġnus. Sir sid fuq ħutek, u ħa jmilu quddiemek it-tfal t’ommok. Kull min jisħtek ikun misħut, u kull min ibierkek ikun imbierek.” 30  Issa malli Iżakk kien għadu kif bierek lil Ġakobb, u Ġakobb kien għadu kif telaq minn ħdejn missieru, ħuh Għesaw ġie lura mill-kaċċa. 31  Hu wkoll għamel platt ikel tajjeb u ġabu lil missieru, u qallu: “Qum pa u kul ftit mil-laħam tal-annimal li qbadt, sabiex int* tberikni.” 32  Għal dan missieru Iżakk qallu: “Min int?” u hu wieġbu: “Jien ibnek, l-ewwel imwieled tiegħek, Għesaw.” 33  U Iżakk qabditu rogħda kbira ħafna, u b’hekk qal: “Min kien, mela, dak li mar għall-kaċċa u ġabli dak li qabad? Jien kilt qabel ma ġejt int u beriktu, u żgur li se jkun imbierek!” 34  Malli semaʼ kliem missieru, Għesaw beda jgħajjat b’leħen imdejjaq, u qallu: “Berikni, bierek lili wkoll, pa!” 35  Imma hu qallu: “Ħuk ġie għandi bil-qerq biex jieħu l-barka li kellha tkun għalik.” 36  U dan wieġbu: “Mhux taʼ b’xejn jismu Ġakobb,* għax ħadli posti darbtejn! Diġà ħadli d-dritt bħala l-ewwel imwieled, u issa ħadli l-barka!” Imbagħad żied: “Ma ħallejtx barka għalija?” 37  Imma Iżakk wieġeb lil Għesaw: “Jien għamiltu sid fuqek, u tajtu lil ħutu kollha bħala qaddejja, u tajtu ċereali u nbid ġdid biex ngħinu. X’għad hemm li nistaʼ nagħmel għalik, ibni?” 38  Għesaw qal lil missieru: “Barka waħda biss għandek, pa? Berikni, bierek lili wkoll, pa!” U malli qal hekk, Għesaw għajjat u nfaqaʼ jibki. 39  Għalhekk, missieru Iżakk wieġbu: “Int se tgħix ’il bogħod mill-ħamrija fertili tal-art u min-nida tas-sema. 40  Se tuża x-xabla matul ħajtek kollha, u se taqdi lil ħuk. Imma meta tixbaʼ, int żgur li se tkisser il-madmad tiegħu minn fuq għonqok.” 41  Wara dan, Għesaw kellu mibegħda kbira għal Ġakobb minħabba l-barka li missieru kien tah, u Għesaw baqaʼ jgħid f’qalbu: “Il-mewt taʼ missieri, il-jiem tal-vistu huma qrib. U wara, jien se noqtol lil ħija Ġakobb.” 42  Meta Rebekka saret taf x’kien qed jippjana binha l-kbir Għesaw, minnufih bagħtet għal binha ż-żgħir Ġakobb u qaltlu: “Ħuk Għesaw qed jippjana li jpattihielek billi joqtlok.* 43  Issa ibni, agħmel dak li se ngħidlek. Aħrab u mur għand ħija Laban f’Ħaran. 44  Għix miegħu għal xi żmien sakemm tonqos ir-rabja taʼ ħuk, 45  sakemm ħuk ma jibqax daqshekk irrabjat għalik u jinsa dak li għamiltlu. Imbagħad jien nibgħat għalik. Għala għandi nitlifkom it-tnejn f’jum wieħed?” 46  Imbagħad Rebekka baqgħet tgħid lil Iżakk: “Nobgħod lil ħajti minħabba l-bniet taʼ Ħet. X’tiswa ħajti jekk Ġakobb xi darba jieħu mara mill-bniet taʼ Ħet, bħall-bniet taʼ din l-art?”

Noti taʼ taħt

Jew “ruħi.”
Jew “ruħek.”
Jew “ruħi.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Jew “ruħek.”
Ifisser “Wieħed li Jaqbad l-Għarqub; Wieħed li Jieħu Post Ħaddieħor.”
Jew “qed jikkonsla bil-ħsieb li joqtlok.”