L-Aħbar Tajba Skont Ġwanni 12:1-50

  • Marija tferraʼ ż-żejt fuq saqajn Ġesù (1-11)

  • Ġesù jidħol bħala rebbieħ (12-19)

  • Ġesù jbassar il-mewt tiegħu (20-37)

  • In-nuqqas taʼ fidi tal-Lhud li kienet ipprofetizzata (38-43)

  • Ġesù ġie biex isalva d-dinja (44-50)

12  Sitt ijiem qabel il-Qbiż, Ġesù wasal f’Betanja, fejn kien jgħix Lazzru li kien ġie mqajjem mill-mewt.  Għalhekk, għamlulu ikla taʼ filgħaxija hemm u Marta kienet qed isservihom, imma Lazzru kien wieħed minn dawk li qed jieklu miegħu.  Imbagħad Marija ħadet libbra* żejt ifuħ, li kien magħmul minn nard pur u kien jiswa ħafna, ferrgħetu fuq saqajn Ġesù, u mesħithomlu b’xagħarha. Id-dar imtliet bir-riħa tfuħ taʼ dan iż-żejt.  Imma Ġuda l-Iskarjota, wieħed mid-dixxipli tiegħu li kien se jittradih dalwaqt, qal:  “Dan iż-żejt ifuħ għala ma nbiegħx għal 300 dinar* u ngħataw lill-foqra?”  Hu qal dan mhux għax kien jimpurtah mill-foqra, imma għax kien ħalliel, u peress li kien jieħu ħsieb il-kaxxa tal-flus, hu kien jisraq minnha.  Imbagħad Ġesù qal: “Ħalliha bi kwietha biex tkun tistaʼ tagħmel dan bħala preparazzjoni għal meta se nindifen.  Dejjem se jkun hawn nies foqra magħkom, imma jien mhux dejjem se nkun magħkom.”  Sadanittant ħafna Lhud saru jafu li kien hemm. Huma marru hemm mhux biex jaraw lil Ġesù biss, imma wkoll lil Lazzru, li kien qajmu mill-mewt. 10  Il-qassisin importanti issa ftiehmu bejniethom biex joqtlu lil Lazzru wkoll, 11  għax minħabba fih ħafna mil-Lhud kienu qed imorru hemm u juru fidi f’Ġesù. 12  L-għada, il-folla kbira li kienet marret għall-festa semgħet li Ġesù kien sejjer Ġerusalemm. 13  Għalhekk, ħadu friegħi tal-palm, marru jiltaqgħu miegħu, u bdew jgħajtu: “Ħa jiġi salvat! Ħa jkun imbierek dak li jiġi f’isem Ġeħova,* ir-Re t’Iżrael!” 14  Meta Ġesù sab felu taʼ ħmara, hu qagħad bilqiegħda fuqu bħalma hemm miktub fl-Iskrittura: 15  “Tibżax bint Sijon.* Ir-re tiegħek ġej riekeb fuq felu taʼ ħmara.” 16  Għall-ewwel, id-dixxipli tiegħu ma fehmuhomx dawn l-affarijiet, imma meta Ġesù ġie gglorifikat, huma ftakru li dak li għamlulu kien eżatt dak li hemm miktub dwaru. 17  In-nies li kienu miegħu meta għajjat lil Lazzru biex joħroġ mill-qabar* u qajmu mill-mewt baqgħu jgħidu lill-oħrajn x’ġara. 18  Hu għalhekk li l-folla marret tiltaqaʼ miegħu għax semgħet li hu kien għamel dan il-miraklu. 19  Għalhekk, il-Fariżej qalu bejniethom: “Kif nistgħu naraw mhu qed naslu mkien! Id-dinja kollha marret warajh!” 20  Fost dawk li kienu marru biex iqimu fil-festa kien hemm xi Griegi. 21  Għalhekk, huma marru ħdejn Filippu, li kien minn Betsajda tal-Galilija, u bdew jgħidulu: “Sinjur, irridu naraw lil Ġesù.” 22  Filippu mar jgħid lil Indrì. Imbagħad it-tnejn li huma marru jgħidu lil Ġesù. 23  Imma Ġesù wiġibhom: “Wasal iż-żmien biex jien, Bin il-bniedem, niġi gglorifikat. 24  Naċċertakom li jekk qamħa ma taqax fl-art u tmut, tibqaʼ hi biss, imma jekk tmut, tagħmel ħafna qamħ. 25  Kull min iħobb lil ħajtu jeqridha, imma kull min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja se jipproteġiha biex ikollu l-ħajja taʼ dejjem. 26  Jekk xi ħadd irid ikun il-qaddej tiegħi, ħa jiġi warajja, u fejn inkun jien, hu jkun hemm ukoll. Jekk xi ħadd irid ikun il-qaddej tiegħi, il-Missier jonorah. 27  Issa jien inkwetat u ma nafx x’naqbad ngħid. Missier, salvani minn din is-sitwazzjoni diffiċli. Minkejja dan, jien għalhekk ġejt. 28  Missier, igglorifika lil ismek.” Imbagħad leħen mis-sema qal: “Igglorifikajtu u ħa nerġaʼ nigglorifikah.” 29  In-nies li kienu hemm semgħu dan u bdew jgħidu li kien riegħed. Oħrajn qalu: “Kellmu xi anġlu.” 30  Ġesù wieġeb: “Dan il-leħen ma nstemax minħabba fija, imma minħabba fikom. 31  Issa din id-dinja qed tiġi ġġudikata, u l-mexxej tagħha se jitkeċċa ’l barra. 32  Imma jien, jekk niġi mdendel maʼ zokk, se niġbed lejja lil kull tip taʼ nies.” 33  Hu kien qed jgħid dan biex jurihom b’liema mod kien se jmut dalwaqt. 34  Imbagħad il-folla wiġbitu: “Mil-Liġi* aħna smajna li l-Kristu se jibqaʼ għal dejjem. Allura kif qed tgħid li Bin il-bniedem għandu jiġi mdendel maʼ zokk? Min hu Bin il-bniedem?” 35  Għalhekk Ġesù qalilhom: “Id-dawl se jkun fostkom għal ftit ieħor. Imxu waqt li għandkom id-dawl, biex id-dlam ma jirbħilkomx. Kull min jimxi fid-dlam ma jafx fejn hu sejjer. 36  Waqt li għandkom id-dawl, uru l-fidi fih biex b’hekk issiru t-tfal tad-dawl.” Wara li Ġesù qal dan, mar jistaħba minnhom. 37  Għalkemm kien għamel ħafna mirakli quddiemhom, huma ma kinux qed juru fidi fih. 38  Dan ġara biex isir dak li qal il-profeta Isaija: “Ġeħova,* hemm xi ħadd li wera fidi fl-affarijiet li smajna aħna?* U lil min intweriet l-id b’saħħitha tiegħek, Ġeħova?”* 39  Isaija qal ukoll ir-raġuni għala ma setgħux jemmnu: 40  “Jien għamejthom u ġegħelthom iwebbsu rashom* ħalli ma jkunux jistgħu jaraw u jifhmu x’għandhom jagħmlu u jerġgħu jiġu għandi biex infejjaqhom.” 41  Isaija qal dawn l-affarijiet dwar Kristu għax ra l-glorja tiegħu. 42  Minkejja dan, ħafna mill-mexxejja kellhom fidi fih, però ma kinux juruha minħabba l-Fariżej, għax inkella kienu jitkeċċew mis-sinagoga. 43  Huma kienu jħobbu iktar li jkunu approvati min-nies* milli jkunu approvati minn* Alla. 44  Madankollu Ġesù qal b’leħen għoli: “Kull min ikollu fidi fija ma jkollux fidi fija biss, imma wkoll f’dak li bagħatni, 45  u kull min jarani, jara wkoll lill-Wieħed li bagħatni. 46  Jien ġejt bħala dawl fid-dinja ħalli kull min juri fidi fija ma jibqax fid-dlam. 47  Imma jekk xi ħadd jismaʼ dak li ngħid u ma jobdix, jien ma niġġudikahx, għax ma ġejtx biex niġġudika lid-dinja, imma biex insalvaha. 48  Kull min ma jagħtix kasi u ma jaċċettax dak li ngħid, hemm xi ħadd li se jiġġudikah. Hu se jiġi ġġudikat fl-aħħar jum b’dak li għedt jien. 49  Jien ma nitkellimx minn jeddi, imma jien ngħid u ngħallem dak li kkmandani l-Missier li bagħatni. 50  Jien naf li dak li kkmandani nagħmel iwassal għall-ħajja taʼ dejjem. Għalhekk, jien ngħid kulma jgħidli l-Missier.”

Noti taʼ taħt

Jiġifieri libbra Rumana, madwar 327 gramma. Ara App. B14.
Din tistaʼ tirreferi għall-belt taʼ Ġerusalemm li kienet fuq il-Muntanja Sijon jew għan-nies tagħha.
Jew “mill-qabar tat-tifkira.”
Milli jidher din tirreferi għall-Iskrittura Ebrajka kollha.
Jew “dak li rrapportajna.”
Letteralment “iwebbsu qalbhom.”
Letteralment “il-glorja tan-nies.”
Letteralment “il-glorja taʼ.”