Isaija 44:1-28

44  “U issa ismaʼ, O Ġakobb qaddej tiegħi,+ u int, O Israel, li jien għażilt.+  Hekk qal Ġeħova, Dak li għamlek+ u li sawrek,+ li kompla jgħinek sa minn ġoż-żaqq,+ ‘Tibżax,+ O qaddej tiegħi Ġakobb, u int, Ġesurun,*+ li jien għażilt.  Għax jien se nferraʼ l-ilma fuq l-għatxan,+ u n-nixxigħat fuq il-post niexef.+ Se nferraʼ l-ispirtu tiegħi fuq nislek,+ u l-barka tiegħi fuq id-dixxendenti tiegħek.  U jinbtu bħallikieku qalb il-ħaxix aħdar,+ bħas-siġar tal-luq+ ħdejn il-ġwiebi taʼ l-ilma.  Wieħed se jgħid: “Jien taʼ Ġeħova.”+ U l-ieħor se jsejjaħ lilu nnifsu bl-isem taʼ Ġakobb,+ u ieħor se jikteb fuq idu: “Taʼ Ġeħova.” U jkun hemm min isemmi lilu nnifsu b’isem Israel.’+  “Hekk qal Ġeħova, is-Sultan taʼ Israel+ u Dak li xtrah lura,+ Ġeħova taʼ l-armati, ‘Jien l-ewwel u jien l-aħħar,+ u m’hemm ebda Alla ħliefi.+  U min hemm bħali?+ Ħa jsejjaħ, ħa jgħid u jippreżenta l-evidenza tiegħu lili.+ Bħalma għamilt jien mindu ħtart il-poplu taʼ żmien twil ilu,+ ħa jgħidu huma min-naħa tagħhom l-affarijiet li ġejjin kif ukoll l-affarijiet li se jseħħu ’l quddiem.  Titwerwrux u tibqgħux imbellhin.+ Jien mhux minn dak iż-żmien ilni nġegħelkom tisimgħu wieħed wieħed u ngħidilkom b’dan?+ U intom ix-xhieda tiegħi.+ Jeżisti xi Alla ħliefi?+ Le, m’hemm l-ebda Blata.+ Ma naf bl-ebda wieħed.’”  Dawk kollha li sawru x-xbieha skolpita huma ħaġa mhix reali,+ u l-għeżież tagħhom ma se jkunu t’ebda benefiċċju,+ u bħala xhieda tagħhom ma jaraw xejn u ma jafu xejn,+ sabiex huma jistħu.+ 10  Min sawwar alla jew sawwab il-metall imdewweb ġo forma biex jagħmel xbieha?+ Ma kienu assolutament t’ebda benefiċċju.+ 11  Ara! Sħabu kollha se jistħu,+ u n-nies tas-sengħa huma biss bnedmin. Ilkoll se jinġabru flimkien.+ Se jieqfu. Se jitwerwru. Se jistħu flimkien.+ 12  U min jonqox il-ħadid bl-għodda* tiegħu għandu ħafna x’jagħmlilha bil-ġamar; u jifformaha bl-imrietel; u għandu ħafna x’jagħmlilha bid-driegħ qawwi tiegħu.+ U qabdu l-ġuħ, u naqsitu l-qawwa. Ma xorobx, u għalhekk għeja. 13  U min jonqox l-injam fetaħ il-ħabel tal-kejl; u jimmarkaha bil-ġibs aħmar; u jaħdimha bil-furmatur; u jkompli jimmarkaha bil-kumpass, u bil-mod il-mod jagħmilha tixbah lil raġel,+ lis-sbuħija tal-bniedem, biex toqgħod f’dar.+ 14  Hemm wieħed li xogħlu hu li jaqtaʼ ċ-ċedri; u jagħżel ċerta speċi taʼ siġra, siġra immensa, u jħalliha tikber b’saħħitha fost is-siġar tal-foresta.+ Hu ħawwel is-siġra tar-rand, u x-xita qawwija tkabbarha. 15  U saret xi ħaġa biex il-bniedem iżomm in-nar jaqbad. Għalhekk, jieħu parti minnha sabiex isaħħan lilu nnifsu. Fil-fatt, jagħmel ħuġġieġa u jaħmi l-ħobż. U wkoll, jaħdem alla sabiex imil quddiemu.+ Għamilha fi xbieha skolpita,+ u jinxteħet fl-art quddiemha. 16  Nofsha jaħraqha fin-nar. Fuq nofsha jixwi l-laħam li jiekol, u jixbaʼ. U jissaħħan u jgħid: “Ah! Issaħħant. Rajt id-dawl taʼ ħuġġieġa.” 17  Imma dak li jibqaʼ minnha jagħmlu alla, ix-xbieha skolpita tiegħu. Jinxteħet fl-art quddiemha u jmil u jitlobha u jgħid: “Eħlisni, għax int alla tiegħi.”+ 18  Ma jafux,+ u ma jifhmux,+ għax għajnejhom imżellġin u ma jarawx,+ u qalbhom ukoll u m’għandhiex dehen.+ 19  U ħadd ma jiftakar b’qalbu+ jew għandu l-għarfien jew l-abbiltà li jifhem,+ u jgħid: “Nofsha ħraqtha fin-nar, u fuq il-ġamar tagħha ħmejt il-ħobż; nixwi l-laħam u niekol. Imma issa dak li baqaʼ minnha se nagħmlu f’xi ħaġa mistkerrha?+ Se ninxteħet fl-art quddiem l-injam niexef taʼ siġra?” 20  Hu qed jiekol l-irmied.+ Qalbu l-imqarrqa żvijatu.+ U ma jeħlisx ruħu, u lanqas jgħid: “F’idi l-leminija mhux gidba għandi?”+ 21  “Ftakar dawn l-affarijiet, O Ġakobb,+ u int, O Israel, għax int il-qaddej tiegħi.+ Jien sawwartek.+ Int qaddej tiegħi. O Israel, jien ma ninsiekx.+ 22  Se nħassar il-ksur tal-liġi tiegħek bħal bi sħaba,+ u dnubietek bħal bi sħab oħxon. Erġaʼ lura lejja,+ għax jien nixtrik lura.+ 23  “Għajtu bil-ferħ, smewwiet,+ għax Ġeħova ħa azzjoni!+ Għajtu bil-ferħ taʼ rebħa,+ postijiet l-iktar baxxi taʼ l-art!+ Ifirħu, muntanji,+ b’għajat ferrieħi, foresta u intom is-siġar kollha li fiha! Għax Ġeħova xtara lura lil Ġakobb, u fuq Israel qed juri sbuħitu.”+ 24  Hekk qal Ġeħova, Dak li xtrak lura+ u li sawrek minn ġoż-żaqq: “Jien, Ġeħova, qed nagħmel kollox, nifrex is-smewwiet+ waħdi, immidd l-art.+ Min kien hemm miegħi? 25  Jien se nfixkel is-sinjali taʼ min ipaċpaċ fil-vojt, u noħroġ taʼ miġnun lil min jeħber;+ jien Hu li rreġġaʼ lura lill-għorrief, u li nbiddel l-għarfien tagħhom fi bluha;+ 26  li nagħmel il-kelma tal-qaddej tiegħi sseħħ, u li nwettaq kompletament dak li jxandru l-messaġġiera tiegħi;+ li ngħid dwar Ġerusalemm, ‘Se tkun mgħammra,’+ u dwar il-bliet taʼ Ġuda, ‘Se jinbnew mill-ġdid,+ u jien intellaʼ l-postijiet abbandunati tagħha’;+ 27  li ngħid lill-ilmijiet fondi, ‘Evaporaw; u se nnixxef ix-xmajjar kollha tagħkom’;+ 28  li ngħid dwar Ċiru,+ ‘Hu r-ragħaj tiegħi, u kulma nitgħaxxaq bih hu se jwettqu kompletament’;+ anki dak li għedt dwar Ġerusalemm, ‘Se tinbena mill-ġdid,’ u dwar it-tempju, ‘Il-pedament tiegħek se jitqiegħed.’”+

Noti taʼ taħt

Ifisser “Ir-Rett,” titlu onorarju għal Israel.
Jew, “bir-ronka.”