Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Min Hu Mikiel l-​Arkanġlu?

Min Hu Mikiel l-​Arkanġlu?

APPENDIĊI

Min Hu Mikiel l-​Arkanġlu?

L-​ESSERI spirtu msejjaħ Mikiel ma jissemmiex spiss fil-​Bibbja. Madankollu, meta ssir referenza għal dan l-​ispirtu, hu jkun qiegħed fl-​azzjoni. Fil-​ktieb taʼ Danjel, Mikiel qed jissara maʼ demonji mill-​agħar; fl-​ittra taʼ Ġuda qed jitlewwem maʼ Satana; u fil-​ktieb taʼ Rivelazzjoni qed jiggwerra kontra Satana u d-​demonji tiegħu. Billi jiddefendi l-​ħakma taʼ Ġeħova u jiġġieled kontra l-​għedewwa t’Alla, Mikiel jgħix fi qbil mat-​tifsira taʼ ismu​—“Min Hu bħal Alla?” Imma Mikiel min hu?

Xi drabi, in-​nies huma magħrufa b’iktar minn isem wieħed. Per eżempju, il-​patrijarka Ġakobb huwa magħruf ukoll bħala Iżrael, u l-​appostlu Pietru bħala Xmun. (Ġenesi 49:​1, 2; Mattew 10:2) Bl-​istess mod, il-​Bibbja tindika li Mikiel huwa isem ieħor għal Ġesù Kristu, qabel u wara l-​ħajja tiegħu fuq l-​art. Ejja nikkunsidraw raġunijiet Skritturali għala wasalna għal din il-​konklużjoni.

Arkanġlu. Il-​Kelma t’Alla tirreferi għal Mikiel “l-​arkanġlu.” (Ġuda 9) Dan it-​terminu jfisser “kap fuq l-​anġli.” Innota li Mikiel jissejjaħ l-​arkanġlu. Dan jagħtina x’nifhmu li jeżisti anġlu wieħed biss bħalu. Fil-​fatt, it-​terminu “arkanġlu” jidher fil-​Bibbja fis-​singular biss, u qatt fil-​plural. Barra minn hekk, Ġesù huwa assoċjat mal-​kariga t’arkanġlu. Dwar il-​Mulej Ġesù Kristu rxoxtat, l-​1 Tessalonikin 4:​16 jistqarr: “Il-​Mulej stess jinżel mis-​sema b’sejħa taʼ kmand, b’leħen t’arkanġlu.” Għalhekk, leħen Ġesù huwa deskritt bħala li huwa dak t’arkanġlu. Din l-​iskrittura b’hekk tagħtina x’nifhmu li Ġesù nnifsu huwa Mikiel l-​arkanġlu.

Mexxej t’Armata. Il-​Bibbja tistqarr li “Mikiel u l-​anġli tiegħu tqabdu mad-​dragun . . . u l-​anġli tiegħu.” (Rivelazzjoni 12:7) B’hekk, Mikiel huwa l-​Mexxej t’armata t’anġli leali. Rivelazzjoni jiddeskrivi wkoll lil Ġesù bħala l-​Mexxej t’armata t’anġli leali. (Rivelazzjoni 19:​14-16) Ukoll, l-​appostlu Pawlu jsemmi speċifikament lill-​“Mulej Ġesù” u “l-​anġli setgħana tiegħu.” (2 Tessalonikin 1:7) Mela l-​Bibbja titkellem kemm dwar Mikiel u “l-​anġli tiegħu” u kemm dwar Ġesù u “l-​anġli tiegħu.” (Mattew 13:41; 16:27; 24:31; 1 Pietru 3:22) Ladarba l-​Kelma t’Alla ma turi mkien li hemm żewġ armati t’anġli leali fis-​sema​—waħda mmexxija minn Mikiel u l-​oħra mmexxija minn Ġesù—huwa loġiku li nikkonkludu li Mikiel m’huwa ħadd ħlief Ġesù Kristu fl-​irwol li għandu fis-​sema. *

[Nota taʼ taħt]

^ par. 6 Iktar informazzjoni rigward il-​fatt li isem Mikiel japplika għall-​Iben t’Alla tidher fit-​tieni Volum, paġni 393-4, taʼ l-​Insight on the Scriptures, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.