Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħabib li Mhux Veru

Ħabib li Mhux Veru

Ħabib li Mhux Veru

Int għandek “ħabib” li ilek tafu minn meta kont żagħżugħ. Hu ġiegħlek tħossok li kbirt u aċċettat mill-​ħbieb tiegħek. Meta kont stressjat, dejjem stajt iddur fuqu biex iġiegħlek tħossok “aħjar.” Inti spiċċajt tiddependi minnu f’ħafna sitwazzjonijiet.

Maż-​żmien, bdejt tinnota l-​kwalitajiet koroh tiegħu. Hu jkun irid ikun miegħek il-​ħin kollu, anki jekk f’xi postijiet ma jkunux iriduk miegħu. Waqt li ġiegħlek tħossok li kbirt, għamel il-​ħsara lil saħħtek. U fuq kollox, ħadlek ħafna mill-​flus.

Dan l-​aħħar, provajt ma tibqax ħbieb miegħu, imma hu ma ħalliekx. U issa jikkontrollak. Int jiddispjaċik li qatt iltqajt miegħu.

DAN HU kif iħossuhom in-​nies li jpejpu fuq is-​sigaretti. Wara 50 sena tpejjep, mara jisimha Earline tiftakar: “Is-​sigaretti kienu jgħinuni iktar milli setaʼ jgħinni xi ħadd. Kienu aħjar minn ħabib tal-​qalb u ġieli lilhom biss kelli.” Earline indunat li s-​sigaretti huma ħbieb ħżiena u perikolużi. Il-​kliem t’hawn fuq setaʼ kien dwar kif tħossha hi. Imma meta tgħallmet li t-​tipjip għal Alla hu ħażin għax iħammeġ lil ġisimna, hi waqfet tpejjep.​—2 Korintin 7:1.

Raġel jismu Frank ukoll iddeċieda li jieqaf ipejjep biex jogħġob lil Alla. Ġurnata wara li ħa l-​aħħar sigarett, beda jfittex kullimkien għal trufijiet taʼ sigaretti antiki. Frank qal: “Dak il-​ħin iddeċidejt x’kont se nagħmel. Ħassejtni diżgustat kif spiċċajt mal-​art inqalleb ġot-​trab għal trufijiet taʼ sigaretti antiki. Qatt ma rġajt pejjipt.”

Għala daqshekk diffiċli tieqaf tpejjep? Xi studjużi sabu numru taʼ raġunijiet: (1) Bħalma d-​drogi jistgħu jsiru vizzju, l-​istess it-​tabakk. (2) Meta tpejjep in-​nikotina, l-​effetti tagħha jaslu fil-​moħħ f’sebaʼ sekondi biss. (3) It-​tipjip jiġi parti importanti fil-​ħajja, għax tpejjep meta tiekol, tixrob, titkellem, u biex tnaqqas l-​istress.

Bħalma wrew Earline u Frank huwa possibbli li twaqqaf dal-​vizzju. Jekk tpejjep u tixtieq tieqaf, dawn l-​artikli li ġejjin se jgħinuk tagħmel dan.