Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

IL-​ĦARSA TAL-​BIBBJA

Is-Sess Qabel iż-Żwieġ

Is-Sess Qabel iż-Żwieġ

Hemm xi ħaġa ħażina fis-​sess qabel iż-​żwieġ?

“Għax dan hu li jrid Alla, . . . li titbiegħdu miż-​żína.”1 Tessalonikin 4:3.

DAK LI JGĦIDU N-​NIES

Xi kulturi jagħlqu għajn waħda għall-​attività sesswali bejn individwi adulti mhux miżżewġin, basta ħadd minnhom ma qed jiġi sforzat. F’xi postijiet hu meqjus bħala aċċettabbli li adoloxxenti mhux miżżewġin jieħdu sehem f’xi forom taʼ intimità sesswali.

DAK LI TGĦID IL-​BIBBJA

Il-​Bibbja tuża l-​kelma “żína” għal xi forom t’attività sesswali barra ż-​żwieġ. Alla jistenna li dawk li jqimuh ‘jitbiegħdu miż-​żína.’ (1 Tessalonikin 4:3) Iż-​żína hi meqjusa bħala dnub serju, l-​istess kif inhuma l-​adulterju, l-​ispiritiżmu, is-​sokor, l-​idolatrija, il-​qtil, u s-​serq.—1 Korintin 6:9, 10; Rivelazzjoni 21:8.

GĦALA HU IMPORTANTI

Raġuni waħda hi li l-​Bibbja twissi li “Alla jiġġudika liż-​żienja.” (Ebrej 13:4) Iktar importanti minn hekk, billi nobdu l-​liġijiet t’Alla dwar il-​moralità sesswali, inkunu qed nuru mħabbitna għal Alla Ġeħova. (1 Ġwanni 5:3) Min-​naħa tiegħu, hu jbierek lil dawk li jobdu l-​kmandamenti tiegħu.—Isaija 48:18.

Hu immorali li wħud mhux miżżewġin jieħdu sehem fi kwalunkwe forma taʼ intimità sesswali?

“Lanqas biss għandhom jissemmew fostkom iż-​żína u n-​nuqqas taʼ ndafa taʼ kull xorta jew ir-​regħba.”—Efesin 5:3.

DAK LI JGĦIDU N-​NIES

Ħafna nies jemmnu li apparti l-​att innifsu tas-​sess, m’hemm xejn ħażin jekk koppja mhix miżżewġa tieħu sehem f’intimitajiet sesswali.

DAK LI TGĦID IL-​BIBBJA

Meta tiddiskuti l-​prattiki sesswali immorali, il-​Bibbja ma ssemmix biss iż-​żína imma wkoll “in-​nuqqas taʼ ndafa” sesswali u “l-​kondotta laxka.” (2 Korintin 12:21) Jidher ċar li hemm diversi forom taʼ intimità sesswali li ma jogħġbux lil Alla meta dawn isiru barra ż-​żwieġ, anke meta ma jkunx hemm involut l-​att innifsu tas-​sess.

Fi ftit kliem, il-​messaġġ tal-​Bibbja dwar is-​sess hu li l-​intimitajiet sesswali għandhom isiru biss bejn raġel u mara li huma miżżewġin lil xulxin. Ukoll, il-​Bibbja ma tapprovax “aptit sesswali mimli xenqa.” (1 Tessalonikin 4:5) Dan xi jfisser? Ikkunsidra eżempju li jistaʼ jgħodd kemm għal raġel kif ukoll għal mara: Ejja ngħidu li mara tkun determinata li ma jkollhiex x’taqsam mal-​għarus tagħha. Xorta waħda, tieħu sehem f’forom oħra taʼ intimità sesswali miegħu. Billi jagħmlu dan, huma jkunu qed jixxennqu għal xi ħaġa li ma tappartjenix lilhom. Għaldaqstant, huma ħatjin taʼ “aptit sesswali mimli xenqa.” Dan it-​tip taʼ regħba sesswali hu kundannat fil-​Bibbja.—Efesin 5:3-​5.

Kif tistaʼ tevita l-​immoralità sesswali?

“Aħarbu miż-​żína.”—1 Korintin 6:18.

GĦALA HU IMPORTANTI

Skont il-​Bibbja, dawk li jkollhom x’jaqsmu maʼ xi ħadd qabel iż-​żwieġ qed jissograw li jitilfu l-​ħbiberija tagħhom m’Alla.—Kolossin 3:5, 6.

DAK LI TGĦID IL-​BIBBJA

Il-​Bibbja tagħtina l-​parir: “Aħarbu miż-​żína.” (1 Korintin 6:18) Dan ifisser li dak li jkun għandu jitbiegħed kemm jistaʼ jkun minn kwalunkwe ħaġa li tistaʼ tħajru jaqaʼ fl-​immoralità sesswali. (Proverbji 22:3) Pereżempju, biex individwu jibqaʼ safi moralment hu vitali li jevita li jissieħeb mill-​qrib maʼ nies li jinjoraw il-​prinċipji t’Alla dwar is-​sess. Il-​Bibbja twissi: “Min qed jimxi maʼ l-​għorrief se jsir għaref, imma min qed jagħmilha maʼ l-​istupidi se jaħbatlu ħażin.”—Proverbji 13:20.

Ukoll, nistgħu naslu għal kondotta sesswali ħażina jekk nimlew moħħna bi ħsibijiet immorali. (Rumani 8:5, 6) B’hekk, inkunu għaqlin jekk nevitaw mużika, vidjows, kotba, u kwalunkwe ħaġ’oħra li tpinġi l-​attività sesswali b’mod mhux xieraq jew li bi kwalunkwe mod tippromwovi kondotta sesswali li ma togħġobx lil Alla.—Salm 101:3.