Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

 SUĠĠETT PRINĊIPALI

Tista’ Tafdahom l-Aħbarijiet?

Tista’ Tafdahom l-Aħbarijiet?

ĦAFNA nies jiddubitaw dak li jaqraw u jisimgħu fl-aħbarijiet. Pereżempju, fl-2012, fi stħarriġ dwar l-opinjoni pubblika fl-Istati Uniti, in-nies ġew mistoqsijin “kemm jafdaw u għandhom fiduċja” fl-eżattezza, l-imparzjalità, u l-kompletezza tar-rapporti tal-aħbarijiet tal-gazzetti, tat-TV, u tar-radju. It-tweġiba taʼ 6 minn kull 10 persuni kienet “mhux wisq” jew “xejn affattu.” Nuqqas taʼ fiduċja bħal dan hu ġġustifikat?

Ħafna ġurnalisti u l-organizzazzjonijiet li jaħdmu magħhom ikkommettew ruħhom biex jipproduċu rapporti eżatti u informattivi. Madankollu, hemm lok għal dubju. Ikkunsidra l-fatturi li ġejjin:

  • NEGOZJANTI TAL-MIDJA. Xi sorsi importanti tal-aħbarijiet huma l-proprjetà taʼ xi kumpaniji kbar. Dawn il-kumpaniji għandhom influwenza qawwija fuq liema stejjer jiġu rrapportati, kif jiġu ppreżentati, u kemm jingħataw prominenza. Minħabba li l-biċċa l-kbira tal-kumpaniji jagħmlu l-qligħ, id-deċiżjonijiet li jieħdu s-sorsi tal-aħbarijiet jistgħu jkunu mmotivati minn interessi ekonomiċi. Stejjer li jistgħu jtellfu l-qligħ tas-sidien taʼ aġenzija tal-aħbarijiet ma jiġux irrapportati.

  • GVERNIJIET. Ħafna minn dak li nsiru nafu mill-midja għandu x’jaqsam mal-politikanti u l-azzjonijiet tal-gvern. Il-gvernijiet iridu jikkonvinċu lill-pubbliku biex jappoġġa l-politika u l-uffiċjali tagħhom. U ladarba l-midja teħtieġ materjal mill-gvern, il-ġurnalisti u s-sorsi tal-gvern kultant jikkooperaw flimkien.

  •  REKLAMAR. Fil-maġġoranza tal-pajjiżi, is-sorsi tal-midja jridu jaqilgħu l-flus biex ma jfallux, u ħafna minn dan jiġi mir-reklamar. Fl-Istati Uniti, bejn 50 u 60 fil-mija mill-qligħ tar-rivisti jiġi mir-reklamar, dak tal-gazzetti 80 fil-mija, u tat-TV u r-radju kummerċjali 100 fil-mija. Bir-raġun, dawk li jirreklamaw ma jridux jisponsorjaw programmi li jitfgħu dell ikrah fuq il-prodotti jew fuq is-servizzi tagħhom. Jekk dak li aġenzija tal-aħbarijiet qed tipproduċi ma jogħġobhomx, huma jistgħu jirreklamaw band’oħra. B’dan f’moħħhom l-edituri jistgħu ma jippubblikawx stejjer tal-aħbarijiet li jixħtu dell ikrah fuq dawk li jirreklamaw magħhom.

  • DIŻONESTÀ. Mhux ir-riporters kollha huma onesti. Xi ġurnalisti jivvintaw l-istejjer. Pereżempju, ftit snin ilu, riporter fil-Ġappun ried jikteb artiklu dwar kif il-bugħaddasa kienu qed jagħmlu l-ħsara lill-qroll f’Okinawa. Wara li ma sab ebda qroll ivvandalizzat, hu stess għamel ħsara lil ftit minnu u mbagħad ġibidlu xi ritratti. Ir-ritratti jistgħu wkoll jiġu mbagħbsin biex il-pubbliku jiġi mqarraq. It-teknoloġija tat-tbagħbis tar-ritratti mxiet ’il quddiem, u hu prattikament impossibbli li tinduna b’ċerti bidliet.

  • INFLUWENZA. Anki jekk il-fatti huma sodi bħall-blat, kif jiġu ppreżentati jiddependi mill-fehma tal-ġurnalist. Liema fatti għandhom jiġu inklużi fi storja, u liema għandhom jitħallew barra? Pereżempju, tim tal-futbol setaʼ tilef logħba b’żewġ gowls. Dan fatt. Imma r-raġuni għala tilef hu rakkont li l-ġurnalist jistaʼ jgħid b’diversi modi.

  • DETTALJI NEQSIN. Hu u jiġbor il-fatti biex jikteb storja konvinċenti, ġurnalist spiss iħalli barra dettalji li jikkomplikaw l-affarijiet u kwistjonijiet li ma ġewx solvuti. Dan iwassal biex ċerti fatti jiġu esaġerati u oħrajn imċekknin. Peress li l-preżentaturi u r-riporters kultant ikollhom jgħidu storja kkomplikata f’minuta jew tnejn, xi dettalji importanti jistgħu jitħallew barra.

  •  KOMPETIZZJONI. Hekk kif f’dawn l-aħħar snin in-numru tal-istazzjonijiet tat-TV żdied, il-ħin li t-telespettaturi jqattgħu jaraw stazzjon wieħed biss naqas ġmielu. Sabiex iżommu t-telespettaturi interessati, l-istazzjonijiet tal-aħbarijiet kienu mġegħlin joffru xi ħaġa unika jew divertenti. Hu u jitkellem fuq dan l-iżvilupp, il-ktieb Media Bias jgħid: “L-aħbarijiet [tat-TV] bdew kważi l-ħin kollu juru ritratti magħżulin biex jaħsdu jew jeċċitaw u l-istejjer ġew imqassrin biex jikkorrispondu mal-ħin [li dejjem jiqsar] taʼ kemm idumu jagħtu kas it-telespettaturi.”

  • ŻBALJI. Minħabba li huma umani, il-ġurnalisti jagħmlu żbalji ġenwini. Kelma miktuba ħażin, koma mhix f’postha, żball fil-grammatika—dawn kollha jistgħu jgħawġu t-tifsira taʼ sentenza. Il-fatti jistgħu ma jkunux iċċekkjati sew. In-numri wkoll jistgħu jfixklu ġurnalist li biex iħaffef jilħaq ilesti fil-ħin jistaʼ faċilment jittajpja 10,000 minflok 100,000.

  • KALKOLI FOLOZ. Li tagħmel rapport eżatt mhux faċli daqskemm wieħed jaħseb. Dak li jidher li hu fatt illum jistaʼ jiġi pprovat li jkun żbaljat l-għada. Pereżempju, fl-antik kienu jemmnu li d-dinja kienet iċ-ċentru tas-sistema solari tagħna. Issa nafu li d-dinja ddur max-xemx.

 Bżonn Għal Bilanċ

Waqt li jkun għaqli li ma nemmnux kulma naqraw fl-aħbarijiet, ma jagħmilx sens li m’hemm xejn li nistgħu nafdaw. Is-sigriet jistaʼ jkun f’li nużaw l-għaqal waqt li nżommu moħħna miftuħ.

Il-Bibbja tgħid: “Mhux il-widna tiżnu l-kliem bħalma s-saqaf tal-ħalq itiegħem l-ikel?” (Ġob 12:11) Mela dawn huma xi pariri li se jgħinuna niżnu l-kliem li nisimgħu u naqraw:

  • MIN JIPPROVDI R-RAPPORT: Ġej ir-rapport minn sors li tistaʼ tafdah, persuna jew organizzazzjoni taʼ awtorità? Il-programm jew il-pubblikazzjoni għandha reputazzjoni taʼ serjetà jew taʼ sensazzjonaliżmu? Min jipprovdi l-fondi għas-sors tal-aħbar?

  • SORSI: Hemm evidenza taʼ riċerka fil-fond? L-istorja hi bbażata fuq sors wieħed biss? Is-sorsi huma taʼ min joqgħod fuqhom, imparzjali, u newtrali? Huma bbilanċjati, jew intgħażlu biex jagħtu biss opinjoni waħda?

  • SKOP: Staqsi lilek innifsek: ‘L-iskop tal-aħbar hu primarjament biex jinforma jew għad-divertiment? Qed jipprova jbigħ jew jappoġġa xi ħaġa?’

  • TON: Meta t-ton taʼ aħbar hu rrabjat, vendikattiv, jew kritiku żżejjed, dan jagħti x’jifhem li għaddej xi attakk u mhux li hemm diskussjoni rraġunata.

  • KONSISTENZA: Huma l-fatti konsistenti maʼ dawk f’artikli jew rapporti oħrajn? Jekk l-istejjer jikkontradixxu lil xulxin, oqgħod attent!

  • FIL-WAQT: L-informazzjoni hi reċenti biżżejjed biex tkun aċċettabbli? Xi ħaġa li kien maħsub li kienet korretta 20 sena ilu tistaʼ tkun bla siwi llum. Mill-banda l-oħra, jekk l-aħbar tkun storja li għadha qed tiżvolġi, forsi l-informazzjoni ma tkunx kompleta jew komprensiva.

Mela, tistaʼ tafdahom l-aħbarijiet? Insibu parir għaqli fl-għerf taʼ Salamun, li kiteb: “Kulmin hu bla esperjenza jafda f’kull kelma li jismaʼ, imma min hu prudenti jqis il-passi tiegħu.”—Proverbji 14:15.