Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI

Il-​Bibbja għadha tgħodd għal żmienna?

Il-​Bibbja għadha tgħodd għal żmienna?

‘Għall-​ewwel darba f’ħajti, sibt il-​ferħ.’

HILTON kien iħobb il-​boksing. Taʼ sebaʼ snin, kien qiegħed jiġġieled—kemm fir-​ring kif ukoll barra r-​ring! Meta kien l-​iskola sekondarja, kien jiġġerra ’l hawn u ’l hemm maʼ sħabu, ifittex lil xi ħadd biex jagħtih xi xebgħa. “Kont nisraq, nilgħab għall-​flus, nara l-​pornografija, nittanta lin-​nisa, u kont inkellem ħażin lill-​ġenituri,” jgħid hu. “L-​imġiba tiegħi tant kienet ħażina li l-​ġenituri ħasbu li ma kienx possibbli ninbidel. Wara li spiċċajt l-​iskola sekondarja, tlaqt mid-​dar.”

Meta Hilton reġaʼ lura 12-​il sena wara, il-​ġenituri bilkemm setgħu jemmnu li dan kien binhom! Kien kalm, iġib ruħu tajjeb, u juri rispett. X’wassal għal din il-​bidla tal-​għaġeb? Waqt li ma kienx jgħix id-​dar beda jaħseb bis-​serjetà fejn kienet se twasslu ħajtu. Ukoll, kien eżamina l-​Bibbja biex jara jekk setgħetx tgħinu jbiddel id-​drawwiet tiegħu. “Applikajt dak li qrajt fil-​Bibbja,” qal Hilton, “li kien ifisser li nbiddel il-​personalità tiegħi u nobdi l-​kmand f’​Efesin 6:2, 3 biex nonora lill-​ġenituri. Għall-​ewwel darba f’ħajti, sibt il-​ferħ veru u ġibt ferħ lil ommi u lil missieri, u mhux iżjed uġigħ il-​qalb!”

L-​istorja taʼ Hilton tenfasizza kemm huma siewja l-​valuri Bibliċi u kif ukoll il-​qawwa li dawn għandhom biex ibiddlu l-​ħajjiet. (Ebrej 4:12) Ejja nikkunsidraw ftit minn dawn il-​valuri—partikularment l-​onestà, ir-​rażan, il-​fedeltà, u l-​imħabba—u kif jistgħu jtejbu l-​ħajjiet bil-​kbir.