Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | IŻ-ŻWIEĠ

Kif turi apprezzament

Kif turi apprezzament

L-ISFIDA

Espressjonijiet t’apprezzament huma essenzjali biex żwieġ jirnexxi. Però, ħafna rġiel u nisa miżżewġin ma jibqgħux jinnotaw il-kwalitajiet tajbin taʼ xulxin, u wisq inqas jesprimu apprezzament għal xulxin. Fil-ktieb Emotional Infidelity, wieħed li jagħti l-pariri josserva li ħafna koppji li jiġu għandu “huma ħafna iktar ikkonċernati dwar x’mhux qed jiġri [fiż-żwieġ tagħhom] milli x’qed jiġri. Meta jkunu fl-uffiċċju tiegħi, huma jgħiduli x’hemm bżonn li jinbidel u mhux x’għandu jibqaʼ l-istess. L-iżball taʼ dawn il-koppji hu li jonqsu milli juru mħabba permezz tal-apprezzament.”

Koppja kif tistaʼ tevita din in-nassa?

X’GĦANDEK TKUN TAF

Kliem t’apprezzament jistaʼ jtaffi l-istress fiż-żwieġ. Meta raġel u mara miżżewġin jagħmlu sforz biex jinnotaw u jirrikonoxxu l-kwalitajiet tajbin taʼ xulxin, normalment ir-relazzjoni tagħhom tmur għall-aħjar. Anki tensjoni kbira tistaʼ titnaqqas meta l-koppji jħossuhom apprezzati minn xulxin.

Għan-nisa miżżewġin. “Ħafna nisa għandhom it-tendenza li jinjoraw il-pressjoni kbira li jkun hemm fuq l-irġiel biex jipprovdu għall-familji tagħhom,” jgħid il-ktieb li ssemma qabel, Emotional Infidelity. F’xi kulturi, din il-pressjoni tistaʼ saħansitra teżisti f’familji li d-dħul tagħhom jiġi kemm mir-raġel u kemm mill-mara.

Għall-irġiel miżżewġin. L-irġiel spiss ma japprezzawx l-isforzi li tagħmel il-mara biex tappoġġja lill-familja, sew f’dak li hu impjieg, trobbija tat-tfal, jew xogħol tad-dar. Fiona, * li ilha miżżewġa għal xi tliet snin, tgħid: “Ilkoll niżbaljaw, u meta nagħmel hekk, ma nkunx kuntenta bija nnifsi. Allura, meta żewġi jgħidli li għamilt xi ħaġa tajba fid-dar—pereżempju, il-faċendi—nirrealizza li għadu jħobbni minkejja n-nuqqasijiet tiegħi. Inħossni wkoll appoġġjata u iktar kuntenta!”

B’kuntrast, meta raġel jew mara miżżewġa ma tħosshiex apprezzata, iż-żwieġ jistaʼ jkun fil-periklu. “Meta ma tħossokx apprezzata mir-raġel,” tgħid mara miżżewġa jisimha Valerie, “ikun faċli li tinġibed lejn xi ħadd li jġiegħlek tħossok apprezzata.”

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Osserva. Matul il-ġimgħa li ġejja, innota kwalitajiet pożittivi li s-sieħeb jew is-sieħba tiegħek turi. Barra minn hekk, oqgħod attent għal affarijiet li hu jew hi tagħmel biex ix-xogħol tad-dar jibqaʼ miexi ħarir—affarijiet li forsi s’issa ħadthom for granted. Fl-aħħar tal-ġimgħa, agħmel lista taʼ (1) kwalitajiet li tapprezza fis-sieħeb jew is-sieħba tiegħek u (2) affarijiet li hu jew hi għamlet għall-benefiċċju tal-familja tiegħek.—Prinċipju Bibliku: Filippin 4:8.

Għala hu neċessarju li tosserva? “Wara li tkun ilek miżżewġa għal ftit tas-snin,” tgħid mara miżżewġa li jisimha Erika, “forsi ma tibqax tapprezza lil żewġek daqs kemm kont qabel. Tieqaf tinnota l-affarijiet tajbin li jagħmel u jkollok it-tendenza li tiffoka iktar fuq dak li mhux qed jagħmel.”

Saqsi lilek innifsek: ‘Napprezza jien ix-xogħol iebes tar-raġel jew il-mara tiegħi?’ Pereżempju, jekk żewġek jirranġa xi affarijiet fid-dar, iżżomm lura milli tirringrazzjah għax tħoss li hu d-dmir tiegħu li jieħu ħsieb affarijiet bħal dawn? Jekk int raġel miżżewweġ, tħoss li martek ma jistħoqqilhiex tifħir għall-isforzi li tagħmel biex tieħu ħsieb it-tfal għas-sempliċi fatt li qed tagħmel dak li hu mistenni minnha? Agħmilha mira li tinnota u tapprezza l-isforzi kollha—kemm kbar u kemm żgħar—li r-raġel jew il-mara tiegħek tagħmel għall-benefiċċju tal-familja tiegħek.—Prinċipju Bibliku: Rumani 12:10.

Iżżommx lura milli tfaħħar. Il-Bibbja ma tgħidx biss li għandna nkunu grati imma tgħid: “Uru li intom grati.” (Kolossin 3:15) Allura, ipprova ħudha drawwa li tirringrazzja lis-sieħeb jew is-sieħba tiegħek. Raġel miżżewweġ li jismu James jgħid, “Meta marti tesprimi apprezzament għal dak li nagħmel, inħoss li nkun irrid naħdem iktar biex inkun raġel miżżewweġ aħjar u biex nagħmel iktar sforz fiż-żwieġ tagħna.”—Prinċipju Bibliku: Kolossin 4:6.

Irġiel u nisa miżżewġin li jesprimu l-apprezzament tagħhom għal xulxin isaħħu r-relazzjoni taʼ bejniethom. “Jien nemmen li ħafna żwiġijiet jistgħu ma jitkissrux jekk il-miżżewġin jibqgħu ffokati fuq dak li jogħġobhom dwar xulxin,” jgħid raġel miżżewweġ jismu Michael. “Meta jinqalgħu l-problemi, il-koppji se jkollhom inqas tendenza li jtemmu ż-żwieġ għax kontinwament huma konxji taʼ kemm għandhom x’japprezzaw.”

^ par. 9 Xi ismijiet ġew mibdulin.