Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | IŻ-ŻWIEĠ

Kif tiddiskuti l-problemi

Kif tiddiskuti l-problemi

L-ISFIDA

Meta int u s-sieħeb jew is-sieħba tiegħek tiddiskutu xi problema, tħossukom iżjed inkwetati u mbegħdin minn meta bdejtu l-konversazzjoni? Jekk inhu hekk, tistaʼ ttejjeb is-sitwazzjoni. L-ewwel, imma, hemm ftit affarijiet li trid tkun taf dwar il-modi differenti li bihom jikkomunikaw l-irġiel u n-nisa. *

X’GĦANDEK TKUN TAF

Ġeneralment, in-nisa jippreferu jitkellmu dwar problema qabel ma jisimgħu soluzzjoni. Fil-fatt, kultant li jitkellmu hi s-soluzzjoni.

“Inħossni aħjar meta nkun esprimejt is-sentimenti tiegħi u nkun naf li r-raġel tiegħi jifhimni. Wara li nitkellem dwarha, jgħaddili—normalment fi ftit minuti biss wara l-konversazzjoni.”—Sirppa. *

“Il-ħaġa tibqaʼ tberren f’moħħi jekk ma jkollix l-opportunità nispjega lil żewġi eżatt kif inħossni. Li nitkellimha hu mod taʼ kif nieqaf naħseb fuqha.”—Ae-Jin.

“Qisu xogħol taʼ ditektiv. Jien u nitkellem, nanalizza kull pass tal-problema u nipprova nifhem il-kaġun tagħha.”—Lurdes.

L-irġiel għandhom it-tendenza jaħsbu f’termini taʼ soluzzjonijiet. Dan hu raġunevoli għaliex li raġel isolvi l-affarijiet iġiegħlu jħossu utli. Li joffri soluzzjonijiet hu l-mod taʼ kif raġel juri lil martu li tistaʼ tistrieħ fuqu għall-għajnuna. Allura, irġiel miżżewġin jikkonfondu meta s-soluzzjonijiet tagħhom ma jkunux aċċettati malajr. “Ma nistax nifhem għala titkellem dwar problema jekk ma ridtx soluzzjoni!” jgħid raġel miżżewweġ jismu Kirk.

Imma “li wieħed jifhem għandu jiġi qabel il-parir,” iwissi l-ktieb The Seven Principles for Making Marriage Work. “Trid turi lis-sieħeb jew lis-sieħba tiegħek li tifhem għalkollox il-problema u tissimpatizza qabel ma tissuġġerixxi soluzzjoni. Ħafna drabi s-sieħeb jew is-sieħba tiegħek bl-ebda mod ma tkun qed tistaqsik għal soluzzjoni—imma biss li tkun semmiegħ tajjeb.”

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Għall-irġiel miżżewġin: Ipprattika li tismaʼ b’empatija. Raġel jismu Tomás jgħid: “Kultant wara li nkun smajt, nibda naħseb bejni u bejn ruħi, ‘Dan ma solva xejn.’ Imma spiss dak kulma jkollha bżonn il-mara tiegħi—xi ħadd li jismaʼ.” Raġel miżżewweġ jismu Stephen jaqbel. “Insib li l-aħjar ħaġa hi li nħalli lil marti tesprimi ruħha mingħajr ma ninterrompi,” hu jgħid. “Iktar iva milli le, hi tispiċċa dak li tkun qed tgħid u tgħidli li tħossha ħafna aħjar.”

Ipprova dan: Id-darba li jmiss tiddiskuti problema maʼ martek, irreżisti t-tentazzjoni li tagħti parir mhux mitlub. Agħmel kuntatt bl-għajnejn u ffoka fuq dak li qed tgħid hi. Agħmel sinjal b’rasek biex turi li qed taqbel magħha. Irripeti l-punt taʼ dak li hi tgħid biex turi li fhimt. “Kultant marti sempliċement ikollha bżonn tkun taf li nifhimha u li nappoġġjaha,” jgħid raġel miżżewweġ jismu Charles.—Prinċipju Bibliku: Ġakbu 1:19.

Għan-nisa miżżewġin: Għid x’għandek bżonn. “Għandna mnejn nistennew li s-sieħeb tagħna jkun jaf eżatt dak li għandna bżonn,” tgħid mara miżżewġa jisimha Eleni, “imma kultant irridu ngħidulhom ċar u tond.” Mara miżżewġa jisimha Ynez tissuġġerixxi dan: “Nistaʼ ngħid, ‘Hemm xi ħaġa ddejjaqni, u nixtieqek tismagħni. M’iniex ngħidlek biex issolviha, imma nixtieq li tifhem kif inħossni.’”

Ipprova dan: Jekk ir-raġel tiegħek joffri soluzzjonijiet qabel ma jismaʼ kollox, tikkonkludix li qed ikun insensittiv. X’aktarx ikun qed jipprova jagħmilhielek iktar faċli. “Minflok nirrita ruħi,” tgħid mara miżżewġa jisimha Ester, “nipprova nirrealizza li żewġi jimpurtah minni u jrid jismaʼ imma wkoll li jrid sempliċement jgħin.”—Prinċipju Bibliku: Rumani 12:10.

Għat-tnejn: Għandna t-tendenza li nittrattaw lil oħrajn kif irridu li niġu trattati aħna. Madankollu, biex tiddiskuti l-problemi b’mod effettiv, ikollok bżonn tikkunsidra kif is-sieħeb jew is-sieħba tiegħek tixtieq tiġi trattata. (1 Korintin 10:24) Raġel miżżewweġ jismu Miguel ipoġġiha hekk: “Jekk int raġel miżżewweġ, kun lest li tismaʼ. Jekk int mara miżżewġa, kun lesta li tismaʼ soluzzjonijiet darba kultant. Meta jintlaħaq kompromess, it-tnejn jibbenefikaw.”—Prinċipju Bibliku: 1 Pietru 3:8.

^ par. 4 Jistaʼ jkun li l-aspetti li se niddeskrivu ma japplikawx għal kull raġel jew mara miżżewġa. Minkejja dan, il-prinċipji diskussi f’dan l-artiklu jistgħu jgħinu lil kwalunkwe individwu miżżewweġ jifhem u jikkomunika aħjar mas-sieħeb jew is-sieħba tiegħu.

^ par. 7 L-ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.