Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Min kienu l-​pulizija Lhud tat-​tempju? X’kien xogħolhom?

Ftit mil-​Leviti li ma kinux qassisin kellhom xogħol ieħor, bħal li jaqdu bħala pulizija. Dawn kienu jaħdmu taħt id-​direzzjoni tal-​kmandant tat-​tempju. Il-​kittieb Lhudi li jismu Philo jiddeskrivi x’kienu jagħmlu dawn il-​pulizija: “Ftit minn dawn il-​Leviti kienu jgħassu l-​bibien tal-​entratura tat-​tempju. Oħrajn kienu għassa quddiem is-​santwarju, jew il-​post qaddis. Dawn kienu jagħmlu ċert li fis-​santwarju jidħlu biss dawk li għandhom permess, u li ħadd ma jidħol bi żball. Xi wħud minnhom kienu jduru madwar it-​tempju biex jagħmlu l-​għassa. Huma kienu jaħdmu b’żewġ shifts, wieħed taʼ billejl u wieħed taʼ binhar.”

Is-​Sinedriju, jiġifieri l-​qorti tal-​Lhud, setaʼ jitlob l-​għajnuna taʼ dawn il-​pulizija. Dawn kienu l-​uniku grupp Lhudi li l-​gvern Ruman kien iħallih iġorr l-​armi.

L-​istudjuż tal-​Bibbja Joachim Jeremias jispjega li meta l-​pulizija arrestaw lil Ġesù, hu saqsiehom għala ma kinux arrestawh meta kien qed jgħallem fit-​tempju. Ġesù ma kienx se jsaqsi dil-​mistoqsija li kieku dawn ma kinux parti mill-​pulizija tat-​tempju. (Mt. 26:55) L-​istess studjuż jaħseb li l-​pulizija li riedu jarrestaw lil Ġesù xi ftit qabel ma ġara dan, ukoll kienu pulizija tat-​tempju. (Ġw. 7:32, 45, 46) Iktar tard, is-​Sinedriju bagħat lill-​kmandant tat-​tempju u lil xi pulizija biex iġibu l-​appostli għandu. Aktarx kienu l-​pulizija tat-​tempju wkoll li ħarġu lill-​appostlu Pawlu ’l barra mit-​tempju.—Atti 4:1-3; 5:17-27; 21:27-30.