Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kellem lil Uliedek Dwar is-Sess

Kellem lil Uliedek Dwar is-Sess

Fatturi Essenzjali għall-​Hena fil-​Familja

Kellem lil Uliedek Dwar is-​Sess

Alicia, a tfajla adoloxxenti, tgħid: “Kultant sempliċement ikolli kurżità dwar xi ħaġa relatata mas-​sess, imma nħoss li jekk nistaqsi lill-​ġenituri tiegħi jaħsbu li qed nistaqsihom għax inkun qed nagħmel xi ħaġa ħażina.”

Inez, omm Alicia, tgħid: “Inkun nixtieq noqgħod bilqiegħda u nitkellem maʼ binti dwar is-​sess, imma dejjem ikollha ħafna x’tagħmel. Diffiċli nsib ħin konvenjenti għaliha biex inkellimha.”

ILLUM, kulħadd jippromwovi s-​sess—fuq it-​televixin, fil-​films, u fir-​reklami. Milli jidher huwa biss fil-​konversazzjoni bejn il-​ġenituri u l-​ulied li dan is-​suġġett jitqies bħala tabù. Michael, adoloxxenti mill-​Kanada, jgħid: “Nixtieq li l-​ġenituri jkunu jafu kemm hu stressanti u imbarazzanti li nkellmuhom dwar is-​sess. Huwa iktar faċli titkellem maʼ ħabib.”

Spiss, il-​ġenituri sempliċement iħossuha bi tqila daqs uliedhom biex iqajmu s-​suġġett. Fil-​ktieb tagħha Beyond the Big Talk, Debra W. Haffner, edukatriċi tas-​saħħa, tgħid: “Ħafna ġenituri qaluli li xtraw ktieb lil uliedhom dwar is-​sesswalità jew il-​pubertà, ħallewh fil-​kamra taʼ wliedhom li kienu għadhom mhumiex adoloxxenti, u qatt ma reġgħu ddiskutew is-​suġġett.” Haffner tgħid li l-​messaġġ lit-​tfal huwa ċar: “Irridukom tkunu tafu dwar is-​sess u dwar kif jaħdem ġisimkom; imma sempliċement ma rridux inkellmukom fuq hekk.”

Jekk int ġenitur, jeħtieġ li jkollok attitudni differenti. Huwa tabilħaqq kruċjali li titkellem maʼ wliedek personalment dwar is-​sess. Ikkunsidra tliet raġunijiet:

1. Il-​ħarsa tad-​dinja lejn is-​sess inbidlet. “In-​nies m’għadhomx iħarsu lejn is-​sess bħala r-​relazzjoni sesswali bejn raġel u mara miżżewġin,” jgħid James, li għandu 20 sena. “Issa hemm is-​sess orali, is-​sess anali, is-​cybersex, jiġifieri sess permezz tal-​internet, u saħansitra s-​‘sexting’—messaġġi, ritratti, jew vidjos immorali li jintbagħtu permezz tal-​mobile.”

2. X’aktarx li wliedek se jingħataw informazzjoni żbaljata sa minn ċkunithom. “Huma se jisimgħu bis-​sess malli jibdew imorru l-​iskola,” tgħid omm jisimha Sheila, “u mhux se jkollhom l-​istess ħarsa lejn is-​sess li trid li jkollhom int.”

3. Uliedek jixtiequ jistaqsu dwar is-​sess imma probabbilment mhux se jkunu huma li jibdew il-​konversazzjoni. “Sinċerament, m’għandi l-​ebda idea kif nibda konversazzjoni mal-​ġenituri tiegħi dwar is-​sess,” tgħid Ana mill-​Brażil, li għandha 15-​il sena.

Tabilħaqq, li tkellem lil uliedek dwar is-​sess hija parti mir-​responsabbiltà li Alla tak bħala ġenitur. (Efesin 6:4) Veru, forsi jkun imbarazzanti, kemm għalik u kemm għalihom. Iżda, xi ħaġa pożittiva hi li ħafna żgħażagħ jaqblu maʼ Danielle, li għandha 14-​il sena. Din tgħid: “Aħna rridu nsiru nafu dwar is-​sess mingħand il-​ġenituri tagħna—mhux mingħand xi għalliema jew permezz taʼ xi programm fuq it-​televixin.” Għalhekk, kif tistaʼ tkellem lil uliedek dwar dan is-​suġġett importanti, imma li rridu nammettu li hu wkoll imbarazzanti? b

Qis l-​Età Tagħhom

Sakemm ma jkunux jgħixu f’xi post iżolat għalkollox, it-​tfal jibdew jisimgħu dwar is-​sess sa minn età żgħira. Saħansitra iktar inkwetanti hu l-​fatt li f’dawn “l-​aħħar jiem,” nies mill-​agħar sejrin “mill-​ħażin għall-​agħar.” (2 Timotju 3:1, 13) B’dispjaċir, ħafna tfal jiġu abbużati sesswalment mill-​adulti.

Għalhekk, huwa importanti li int tibda tgħallem lil uliedek waqt li jkunu għadhom pjuttost żgħar. Omm mill-​Ġermanja jisimha Renate tgħid: “Jekk tistenna sakemm ikunu qorbu lejn l-​adoloxxenza jistgħu ma jkunux iridu jitkellmu bil-​miftuħ minħabba l-​biżaʼ u l-​mistħija li jġib miegħu dan iż-​żmien tal-​pubertà.” L-​importanti hu li tagħti lil uliedek informazzjoni skont l-​età tagħhom.

Għat-​tfal żgħar li għadhom ma bdewx imorru l-​iskola: Kun ċert li tgħallimhom l-​isem proprju tal-​organi sesswali, u enfasizza li ħadd m’għandu jmiss dawn l-​organi. Omm mill-​Messiku jisimha Julia tgħid: “Bdejt ngħallem lil ibni meta kellu tliet snin. Il-​fatt li kont naf li xi għalliema, babysitters, u tfal akbar minnu setgħu jagħmlulu l-​ħsara kien ikiddni ferm. Hu kellu bżonn ikun jaf kif jipproteġi lilu nnifsu minn nies li ma jafhomx.”

IPPROVA DAN: Ħarreġ lit-​tfal tiegħek biex iwieġbu b’mod sod jekk xi ħadd jipprova jilgħab bl-​organi sesswali tagħhom. Pereżempju, tistaʼ forsi tgħallimhom ħalli jgħidu: “Ieqaf! Se nugżak!” Aċċerta lil uliedek li dejjem ikun xieraq li tikxef lil xi ħadd li jipprova jagħmel ħaġa bħal din—avolja l-​persuna twegħedhom li tagħtihom xi rigal jew inkella theddidhom. c

Għat-​tfal tal-​primarja: Uża dawn is-​snin bħala opportunità biex tkompli żżid l-​għarfien taʼ wliedek bil-​mod il-​mod. Missier jismu Peter jagħti dan il-​parir: “Qabel tkellimhom ara xi jkunu jafu diġà u jekk ikunux iridu jsiru jafu iktar dwar is-​suġġett. Tipprovax iġġegħelhom jitkellmu miegħek bilfors. X’aktarx li jekk tqattaʼ ħin maʼ wliedek regolarment se tagħmilhielhom iktar faċli li jitkellmu miegħek.”

IPPROVA DAN: Iddiskuti fil-​qosor u taʼ spiss minflok ma tiddiskuti darba u fit-​tul. (Dewteronomju 6:6-​9) B’dan il-​mod, ma tgħabbix lil uliedek b’ħafna informazzjoni. Barra minn hekk, huma u jikbru se jkollhom l-​informazzjoni li jeħtieġu skont il-​livell taʼ maturità tagħhom.

Għall-​adoloxxenti: Issa hu l-​waqt li taċċerta ruħek li wliedek ikollhom biżżejjed għarfien dwar l-​aspetti fiżiċi, emozzjonali, u morali tas-​sess. “Kemm is-​subien u kemm il-​bniet fl-​iskola tiegħi diġà qed jagħmlu s-​sess,” tgħid Ana, it-​tfajla taʼ 15-​il sena li ġiet kwotata qabel. “Jien naħseb li bħala Kristjana għandi bżonn biżżejjed għarfien dwar is-​suġġett. Hu kemm hu imbarazzanti li tiddiskuti dwaru, is-​sess hu xi ħaġa li għandi nkun naf dwaru.” d

Attenzjoni: L-​adoloxxenti jistgħu jżommu lura milli jistaqsu mistoqsijiet għax jibżgħu li l-​ġenituri tagħhom se jissuspettaw li l-​kondotta tagħhom mhijiex xierqa. Missier jismu Steven jgħid: “It-​tifel tagħna kien joqgħod lura milli jiddiskuti dwar is-​sess, imma iktar tard skoprejna li kien iħoss li aħna konna naħsbu ħażin dwar l-​imġiba tiegħu. Għamilnieha ċara li ma konniex qed niddiskutu dawn is-​suġġetti għax ħsibna ħażin fih; ridna biss naċċertaw ruħna li hu kien imħejji biex jikkumbatti l-​influwenzi ħżiena taʼ madwaru.”

IPPROVA DAN: Minflok ma tistaqsi mistoqsijiet diretti lill-​adoloxxenti dwar kwistjoni partikulari rigward is-​sess, staqsihom kif jaħsbuha sħabhom tal-​iskola dwar din il-​kwistjoni. Pereżempju, forsi tistaʼ tgħid: “Illum ħafna nies iħossu li s-​sess orali mhuwiex proprju sess. Hekk jaħsbuha sħabek tal-​iskola?” Mistoqsijiet indiretti bħal dawn x’aktarx li jġiegħlu lill-​adoloxxenti jesprimu ruħhom u jgħidu kif jaħsbuha dwar is-​suġġett.

Għeleb il-​Mistħija

M’għandniex xi ngħidu, jistaʼ jkun li waħda mill-​iktar affarijiet diffiċli li trid tagħmel bħala ġenitur hi li tkellem lil uliedek dwar is-​sess. Imma l-​isforz ċertament ma jkunx għalxejn. Omm jisimha Diane tgħid: “Biż-​żmien ma tibqax tħossok imbarazzat li titkellem maʼ wliedek dwar is-​sess, anzi fil-​fatt dan jistaʼ jsir opportunità biex issaħħu r-​relazzjoni tagħkom maʼ xulxin.” Steven, li ġie kwotat iktar kmieni, jaqbel maʼ dan. Hu jgħid: “Jekk tiħodha drawwa li titkellem bil-​miftuħ dwar kwalunkwe suġġett li jistaʼ jitqajjem fil-​familja, se jsir iktar faċli li tiddiskuti suġġetti imbarazzanti bħalma huwa s-​sess.” Hu jżid jgħid: “Xorta se jkun xi ftit jew wisq imbarazzanti, imma l-​komunikazzjoni bil-​miftuħ hija essenzjali biex familja Kristjana tkun b’saħħitha.”

[Noti taʼ taħt]

a L-​ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.

b Dan l-​artiklu se jiddiskuti l-​bżonn li titkellem maʼ wliedek dwar is-​sess. Fil-​futur se joħroġ artiklu f’din is-​serje li se jiddiskuti kif tnaqqax valuri morali f’diskussjonijiet bħal dawn.

c Meħud minn paġna 171 tal-​ktieb Tgħallem mill-​Għalliem il-​Kbir, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

d Għal diskussjonijiet dwar is-​sess mal-​adoloxxenti tiegħek, uża kapitli 1-​5, 28, 29, u 33 tal-​ktieb Questions Young People Ask—Answers That Work, it-​2 Volum, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 14]

STAQSI LILEK INNIFSEK . . .

Aqra l-​kummenti li ġejjin mingħand żgħażagħ madwar id-​dinja, u mbagħad staqsi lilek innifsek il-​mistoqsijiet li hemm wara kull kumment.

• “Il-​ġenituri tiegħi jgħiduli biex naqra artikli dwar is-​sess, u mbagħad jekk ikolli xi mistoqsijiet immur niddiskutihom magħhom. Imma nixtieq li jkellmuni iktar dwar dan is-​suġġett.”—Ana, il-​Brażil.

Għala taħseb li hu importanti li tagħmel iktar milli sempliċement tagħti xi ktieb dwar is-​sess lil uliedek biex jaqrawh?

• “Jien smajt ħafna affarijiet dwar atti sesswali perversi—affarijiet li naħseb missieri qatt ma semaʼ bihom. Min jaf kif iġib għajnejh wara widnejh jekk nistaqsih dwarhom!”—Ken, il-​Kanada.

Liema biżaʼ jistaʼ jkollhom uliedek biex ikellmuk dwar dak li jkun qed jinkwetahom?

• “Meta sa fl-​aħħar rabbejt il-​kuraġġ biex nagħmel mistoqsija lill-​ġenituri tiegħi dwar is-​sess, donnhom riedu jakkużawni bil-​mod kif wiġbuni għax staqsewni, ‘Għala qed tistaqsi? Jaqaw ġara xi ħaġa?ʼ”—Masami, il-​Ġappun.

Meta wliedek jagħmlulek xi mistoqsija dwar is-​sess, ir-​reazzjoni tiegħek kif tistaʼ tagħmilha faċli jew diffiċli li jkollok diskussjonijiet fil-​futur?

• “Ikun t’għajnuna kieku l-​ġenituri tiegħi jserrħuli rasi u jgħiduli li meta kienu tampari kienu jistaqsu l-​istess mistoqsijiet u li huwa normali li anki jien nistaqsi mistoqsijiet bħal dawn.”—Lisette, Franza.

X’tistaʼ tagħmel biex tgħin lil uliedek iħossuhom iktar komdi jitkellmu miegħek dwar is-​sess?

• “Ommi kienet tistaqsini mistoqsijiet dwar is-​sess, imma b’ton ħelu. Inħoss li dan hu importanti sabiex it-​tfal ma jħossux li qed jiġu ġudikati.”—Gerald, Franza.

X’ton tuża meta tkellem lil uliedek dwar is-​sess? Hemm bżonn taʼ xi aġġustament?