Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Hemm Xi Ħadd Wara l-Ħażen Kollu?

Hemm Xi Ħadd Wara l-Ħażen Kollu?

“ĦADT b’idejn ix-​xitan.” Hekk qal il-​kmandant tal-​forzi tal-​Ġnus Magħquda fl-​Irwanda meta qagħad jaħseb dwar kif naqsu milli jwaqqfu l-​ġenoċidju li sar f’dak il-​pajjiż matul l-​1994. Filwaqt li kkummenta fuq is-​salvaġġiżmu li ma jitwemminx taʼ dak iż-​żmien, xi ħadd ieħor li ra dak li ġara qal: “Jekk xi ħadd għadu jażżarda jaħseb li ma jeżistix Satana, għidlu jiltaqaʼ miegħi ħdejn wieħed mill-​oqbra fejn indifnu ħafna nies f’daqqa fl-​Irwanda.” Huma atroċitajiet bħal dawn verament xogħol ix-​Xitan?

Il-​maġġuranza tan-​nies ma jqisux il-​vjolenza u l-​krudeltà li jsiru għal xejn b’xejn bħala x-​xogħol taʼ ħlejqa spirtu mill-​agħar inviżibbli. Ħafna jaħsbu li affarijiet bħal dawn jiġru minħabba l-​ħażen li jinsab fin-​natura tal-​bniedem u li l-​kaġun veru tal-​ħażen hu l-​istint mill-​agħar tagħna stess. Oħrajn ħarġu bit-​teorija li grupp taʼ nies għonja u li għandhom il-​poter, xi tip taʼ netwerk globali sigriet, ilu jimmanipula lin-​nies għal għaxriet taʼ snin sabiex jaħkem lid-​dinja. Imbagħad, ovvjament, hemm dawk li jwaħħlu fil-​gvernijiet u l-​ħakkiema nazzjonali għall-​inġustizzja u t-​tbatija kollha li jaraw.

Inti x’temmen? Il-​ħażen, il-​krudeltà, l-​atroċitajiet, u t-​tbatija għala huma tant mifruxin madwar id-​dinja llum minkejja l-​isforzi li jsiru biex dawn jiġu kontrollati? Għala jidher li l-​umanità donnha għaddejja b’għajnejha magħluqa u b’għaġla fi triq li twassal biex teqred lilha nfisha, waqt li t-​twissijiet ripetuti li jingħatawlha jaqgħu fuq widnejn torox? Hemm xi ħadd wara dan kollu? Min tassew jaħkem lid-​dinja? It-​tweġiba taf tissorprendik.