Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI

Il-gwerra li biddlet id-dinja

Il-gwerra li biddlet id-dinja

Seklu ilu, miljuni taʼ rġiel żgħażagħ ħallew is-​sigurtà taʼ djarhom u marru għall-​gwerra. Telqu bil-​ħeġġa kollha, immotivati minn mewġa taʼ patrijottiżmu. “Jien ferħan u mimli eċċitament minħabba ż-​żmien sabiħ li ġej,” kiteb volontier Amerikan fl-​1914.

Però, f’qasir żmien, l-​entużjażmu tagħhom inbidel fi mrar. Ħadd ma kien basar li dawk l-​armati enormi kienu se jissieltu fil-​Belġju u Franza għal snin sħaħ. Dak iż-​żmien, din il-​gwerra kienet tissejjaħ “Il-​Gwerra l-​Kbira.” Illum nafuha bħala l-​Ewwel Gwerra Dinjija.

L-​Ewwel Gwerra Dinjija kienet tassew kbira meta tqis kemm ħalliet feruti u mmankati. Skont xi stimi, mietu 10 miljun ruħ u 20 miljun baqgħu mmankati. Kienet ukoll riżultat taʼ żbalji ħoxnin. Politikanti Ewropej ma kinux kapaċi jwaqqfu tensjonijiet internazzjonali milli jeskalaw għal konflitt globali. Forsi iktar importanti hu l-​fatt li l-​“Gwerra l-​Kbira” ħalliet ferita kbira. Biddlet id-​dinja b’modi li għadhom jeffettwawna llum.

ŻBALJI LI QERDU L-​FIDUĊJA

L-​Ewwel Gwerra Dinjija faqqgħet minħabba kalkoli ħżiena. Il-​ktieb The Fall of the Dynasties—The Collapse of the Old Order 1905-​1922 jispjega li l-​mexxejja Ewropej ma kellhom l-​ebda idea li d-​deċiżjonijiet li kienu qed jieħdu kienu se jirriżultaw f’diżastru globali.

Fi ftit ġimgħat, il-​qtil taʼ arċiduka Awstrijak għaddas lill-​qawwiet prinċipali Ewropej fi gwerra li huma ma ridux. Ftit jiem wara li ġiet iddikjarata l-​gwerra, il-​kanċillier Ġermaniż ġie mistoqsi: “Kif ġara dan kollu?” “Li kieku biss taf,” wieġeb hu sogħbien.

Il-​mexxejja li ħadu d-​deċiżjonijiet ħżiena li wasslu għall-​gwerra ma kellhom ebda idea tal-​konsegwenzi. Imma r-​realtà malajr feġġet għas-​suldati li kienu fit-​trinċieri. Huma rrealizzaw li l-​politikanti tagħhom kienu ddiżappuntawhom, il-​kleru qarraq bihom, u l-​ġenerali ttradewhom. Kif?

Il-​politikanti tagħhom kienu ddiżappuntawhom, il-​kleru qarraq bihom, u l-​ġenerali ttradewhom

Il-​politikanti wiegħdu li l-​gwerra se tiftaħ it-​triq għal dinja ġdida u aħjar. Il-​kanċillier Ġermaniż ħabbar: “Qed niġġieldu biex naħsdu l-​frott tal-​industrija paċifika tagħna, għall-​wirt taʼ passat grandjuż, u għall-​futur tagħna.” Il-​President Amerikan Woodrow Wilson għen biex jinħoloq motto popolari rassiguranti li l-​gwerra kellha “tagħmel id-​dinja bla riskju għad-​demokrazija.” U fil-​Britannja, in-​nies ħasbu li kienet “gwerra biex ittemm il-​gwerer.” Kollha marru żmerċ.

Il-​kleru appoġġa l-​gwerra bl-​entużjażmu. “Dawk li suppost kellhom jgħallmu l-​Bibbja inkuraġġew lin-​nies imorru għall-​gwerra. Gwerra totali saret tfisser mibegħda totali,” jgħid The Columbia History of the World. U l-​qassisin mhux talli ma għenux biex titnaqqas il-​mibegħda, imma talli inkuraġġewha. “Il-​kleru ma kienx kapaċi, u fil-​biċċa l-​kbira ma riedx, ipoġġi t-​twemmin Kristjan qabel in-​nazzjonalità,” josserva A History of Christianity. “Il-​biċċa l-​kbira minnhom ipprovaw jeħilsuha ħafif u għamlu l-​Kristjanità importanti daqs il-​patrijottiżmu. Suldati Kristjani tad-​denominazzjonijiet kollha ġew imħeġġin joqtlu lil xulxin f’isem is-​Salvatur tagħhom.”

Il-​ġenerali wiegħdu rebħa taʼ malajr u faċli, imma ma kellux ikun hekk. F’kemm ilna ngħidu, l-​armati taʼ kontra xulxin sabu ruħhom f’sitwazzjoni taʼ staġnar. Imbagħad miljuni taʼ suldati ħabbtu wiċċhom maʼ dik li storjografu sejħilha ‘aktarx l-​iktar trawma kiefra li l-​bniedem bata kemm fiżikament u kemm emozzjonalment.’ Minkejja telf tal-​biżaʼ, il-​ġenerali baqgħu jibagħtu lill-​irġiel tagħhom f’barrikati bil-​barbed wire u xita taʼ balal tal-​maxingann. Mhux taʼ b’xejn li nibtu rvellijiet kullimkien.

L-​Ewwel Gwerra Dinjija kif effettwat lis-​soċjetà? Xogħol taʼ storja jikkwota veteran li qal: “Il-​gwerra . . . għamlet il-​ħsara lill-​imħuħ u l-​karattru taʼ ġenerazzjoni.” Tabilħaqq, b’riżultat tal-​gwerra imperi sħaħ għosfru. Dak il-​konflitt traġiku wera li kien introduzzjoni għall-​iktar seklu mdemmi li qatt rat l-​umanità. L-​irvellijiet u l-​istrajkijiet bdew jidhru li huma kważi komuni.

Il-​gwerra għala qalbet id-​dinja taʼ taħt fuq? Kienet verament aċċident kolossali? Juru t-​tweġibiet xi ħaġa dwar il-​futur tagħna?