Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għajnuna għall-Vittmi tal-Abbuż Domestiku

Għajnuna għall-Vittmi tal-Abbuż Domestiku

 “Il-vjolenza fuq in-nisa ssibha madwar id-dinja kollha. Tant hi mifruxa li qisha epidemija. Imma importanti ħafna li nagħmlu xi ħaġa dwarha,” tgħid l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Din l-organizzazzjoni kkalkulat li kważi 30 fil-mija “tan-nisa kollha li kienu f’relazzjoni, esperjenzaw abbuż fiżiku u/jew sesswali” mill-partner tagħhom. U rapport tal-Ġnus Magħquda jikkalkula li riċentement 137 mara madwar id-dinja nqatlu kuljum mill-partner tagħhom jew membru ieħor tal-familja. a

 L-istatistika turi kemm hi kbira din il-problema tal-vjolenza domestika, imma ma ssemmi xejn dwar l-uġigħ emozzjonali u fiżiku li kull vittma tgħaddi minnu.

 Inti qed tesperjenza abbuż domestiku? Jew taf b‘xi ħadd? Jekk iva, dawn il-punti mill-Bibbja jistgħu jgħinuk.

  L-abbuż li qed tesperjenza d-dar mhux tort tiegħek

  Hemm l-għajnuna

  M’intix waħdek

  L-abbuż domestiku se jispiċċa

  Kif tistaʼ tgħin lill-vittma

 L-abbuż li qed tesperjenza d-dar mhux tort tiegħek

 Il-Bibbja tgħid: “Kull wieħed minna se jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla.”—Rumani 14:12.

 Ftakar dan: Min qed jabbużak hu responsabbli għal dak li qed jagħmel.

 Jekk il-partner tiegħek qed iwaħħal fik għall-abbuż tiegħu, għandu żball. In-nisa jixirqilhom ikunu maħbuba, mhux abbużati.—Kolossin 3:19.

 Xi kultant, dak li jabbuża jagħmel dan minħabba problema mentali, il-mod kif trabba, jew problema tax-xorb. Hu x’inhu l-każ, hu jrid jagħti kont lil Alla tal-mod kif qed jittrattak, u hija responsabbiltà tiegħu biex jagħmel minn kollox ħalli jinbidel.

 Hemm l-għajnuna

 Il-Bibbja tgħid: “Il-pjanijiet . . . jirnexxu meta jkun hemm ħafna li jagħtu l-pariri.”—Proverbji 15:22.

 Ftakar dan: Jekk tħossok mhedda jew ma tafx x’se taqbad tagħmel, oħrajn jistgħu jgħinuk.

 Għaliex jistaʼ jkun li għandek bżonn għajnuna mingħand oħrajn? Mhix sitwazzjoni faċli meta tkun vittma taʼ abbuż domestiku. Jistaʼ jkun diffiċli tiddeċiedi x’inhu l-aħjar li tagħmel għax trid tqis ħafna affarijiet importanti, bħal:

  •   Is-sigurtà tiegħek

  •   X’inhu l-aħjar għat-tfal tiegħek

  •   Is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħek

  •   L-imħabba li għandek għall-partner tiegħek

  •   Ix-xewqa li tibqa’ mal-partner tiegħek jekk dan ikun irid jinbidel

 Huwa normali li f’sitwazzjoni bħal din tħossok konfuża u ma tkunx taf x’se taqbad tagħmel. Lil min tistaʼ tfittex għall-għajnuna?

 Ħabib li tafda jew xi ħadd tal-familja jistaʼ jgħinek b’mod prattiku u jissapportjak emozzjonalment. Li titkellem maʼ xi ħadd li taf li jinteressah minnek jistaʼ jgħinek ħafna.

 Numri taʼ għajnuna fejn tistaʼ ċċempel f’każ taʼ vjolenza domestika jistgħu joffru għajnuna immedjata. Dawk li jwieġbu dawn it-telefonati jistgħu jgħinuk tara x’tistaʼ tagħmel biex tipproteġi lilek innifsek. Dawn jistgħu jgħinu wkoll lill-partner tiegħek f’dak li jrid jagħmel, jekk dan jammetti li għandu dil-problema u jixtieq verament jinbidel.

 Sorsi oħrajn t’emerġenza jistgħu jgħinuk jekk tkun qiegħda fil-periklu. Dawn jistgħu jinkludu tobba, nurses, u professjonisti oħrajn.

 M’intix waħdek

 Il-Bibbja tgħid: “Ġeħova b hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma; hu jsalva lil dawk li huma mdejqin.”—Salm 34:18.

 Ftakar dan: Alla wiegħed li jgħinek.

 Ġeħova jimpurtah minnek verament. (1 Pietru 5:7) Hu jifhem il-ħsibijiet profondi u l-emozzjonijiet tiegħek. Hu jistaʼ jipprovdilek faraġ permezz tal-Kelma Tiegħu, il-Bibbja. U hu jridek titlob lilu. Meta titlob, tistaʼ tistaqsih għall-għerf u l-qawwa li għandek bżonn biex jgħinek tkampa mas-sitwazzjoni.—Isaija 41:10.

 L-abbuż domestiku se jispiċċa

 Il-Bibbja tgħid: “U joqogħdu bil-qiegħda, kull wieħed taħt id-dielja tiegħu u taħt is-siġra tat-tin tiegħu, u ma jkunx hemm min ibeżżagħhom.”—Mikea 4:4.

 Ftakar dan: Il-Bibbja twiegħed li dalwaqt se jiġi żmien fejn id-dar se tkun post taʼ paċi u serħan għal kull min jgħix fiha.

 Alla Ġeħova għandu s-soluzzjoni vera għall-problemi kollha tagħna għal dejjem. Il-Bibbja twiegħed: “Jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.” (Rivelazzjoni 21:4) F’dak iż-żmien, mhux se jkollna iktar memorji koroh, imma minflokhom se jkollna memorji sbieħ. (Isaija 65:17) Dan hu l-futur taʼ paċi li l-Bibbja qed toffrilek.

a Dan l-artiklu jirreferi għall-vittmi bħala nisa, imma ħafna punti diskussi japplikaw għall-vittmi rġiel ukoll.

b Ġeħova hu l-isem t’Alla kif jidher fil-Bibbja.