Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Qatt Se Jkun Hawn Ġustizzja fid-Dinja?

Qatt Se Jkun Hawn Ġustizzja fid-Dinja?

 Tmur fejn tmur fid-dinja, issib l-inġustizzja. Ara dawn iż-żewġ eżempji:

  •   F’Jannar tal-2018, qorti fl-Istati Uniti ordnat li raġel li kien ilu l-ħabs kważi 38 sena jinħeles. Evidenza mid-DNA wriet li hu kien innoċenti.

  •   F’Settembru tal-1994, tliet żgħażagħ f’pajjiż Afrikan spiċċaw il-ħabs għax għażlu li ma jidħlux fl-armata minħabba li dan kien imur kontra l-kuxjenza tagħhom. Sa Settembru tal-2020, huma kienu ilhom il-ħabs 26 sena mingħajr qatt ma ġew akkużati jew imtellgħin il-qorti.

 Jekk qatt għaddejt minn inġustizzja, jaf tħossok kif ħassu Ġob, li qal: “Nibqaʼ ngħajjat għall-għajnuna, imma ħadd ma jaqbeż għalija.” (Ġob 19:7) Għalkemm il-ġustizzja tidher impossibbli llum, il-Bibbja twegħedna li se jiġi żmien fejn il-ġustizzja se tkun mad-dinja kollha. Ukoll, dak li tgħallimna l-Bibbja se jgħinna nkampaw mal-inġustizzja bħalissa.

Kif tiġi l-inġustizzja?

 L-inġustizzja tiġi minħabba dawk li ma jobdux dak li jgħid Alla. Il-Bibbja turina li l-ġustizzja vera tiġi mingħand Alla. (Isaija 51:4) Fil-Bibbja, il-kliem ‘ġustizzja’ u “sewwa” jmorru id f’id. (Salm 33:5) Azzjonijiet li huma sewwa, jiġifieri sewwa skont dak li jgħidilna Alla, iġibu ġustizzja. Imma l-inġustizzja hija riżultat tad-dnub, jiġifieri meta persuna ma tobdix dak li jgħidilna Alla. Aħseb fuq l-eżempji li ġejjin:

  •   L-egoiżmu. L-egoiżmu u d-dnub imorru id f’id. (Ġakbu 1:14, 15) Ħafna nies, biex jieħdu dak li jridu, jieħdu vantaġġ minn oħrajn billi jittrattawhom ħażin. Imma Alla jridna npoġġu l-interessi t’oħrajn qabel tagħna.—1 Korintin 10:24.

  •   L-injoranza. Xi nies jittrattaw lil oħrajn ħażin mingħajr ma jirrealizzaw. Imma għal Alla dan xorta hu dnub. (Rumani 10:3) Fil-fatt, l-injoranza wasslet għal waħda mill-ikbar inġustizzja li qatt saret—il-mewt taʼ Ġesù Kristu.—Atti 3:15, 17.

  •   It-tmexxija ħażina tan-nies. Suppost, in-negozjanti, il-politikanti, u l-mexxejja reliġjużi jagħmlu ċert li kulħadd jiġi ttrattat sew u b’ġustizzja. Imma spiss, huma stess ikunu l-kaġun tal-iżbalji, il-korruzzjoni, il-preġudizzju, u l-egoiżmu. Ukoll, huma stess ma jittollerawx kollox, u joħolqu differenza kbira fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. Dan kollu jġib l-inġustizzja. Huwa veru li kultant ikun hemm xi nies li jixtiequ jagħmlu dak li hu tajjeb. Imma fl-aħħar mill-aħħar, jekk in-nies jinjoraw dak li jgħid Alla, mhux se jirnexxu.—Ekkleżjasti 8:9; Ġeremija 10:23.

Alla kif iħossu dwar l-inġustizzja?

 Hu jobgħod kemm l-inġustizzja u kemm l-attitudnijiet u l-azzjonijiet li jġibu l-inġustizzja. (Proverbji 6:16-18) Hu ġiegħel lill-profeta Isaija jikteb: “Jien, Ġeħova, a inħobb il-ġustizzja, nobgħod is-serq flimkien maʼ l-inġustizzja.”—Isaija 61:8.

 Il-Liġi li Alla kien ta lill-Iżraelin turi li hu ried lin-nies juru ġustizzja. Hu kkmanda lill-imħallfin biex ma jaċċettawx tixħim u affarijiet oħra, għax jistgħu jġibu l-inġustizzja. (Dewteronomju 16:18-20) Hu rrabja ħafna mal-Iżraelin li ħadu vantaġġ mill-foqra u minn dawk li kienu qed ibatu. Ukoll, hu rrifjutahom talli ma żammewx mal-livelli tiegħu.—Isaija 10:1-3.

Alla se jneħħiha l-inġustizzja?

 Iva. Permezz taʼ Ġesù Kristu, Alla se jneħħi x’qed jikkaġuna l-inġustizzja—id-dnub. Ukoll, se jerġaʼ jagħmel lin-nies perfetti, kif xtaq Alla fil-bidu. (Ġwanni 1:29; Rumani 6:23) Alla għandu gvern fis-sema li se jmexxi fuq l-art u li se jġib ġustizzja mad-dinja kollha. (Isaija 32:1; 2 Pietru 3:13) Biex titgħallem iżjed dwar dan il-gvern fis-sema, ara l-vidjow X’Inhi s-Saltna t’Alla?

Il-ħajja kif se tkun taħt il-gvern t’Alla?

 Meta jkun hawn ġustizzja mad-dinja kollha, kulħadd se jkun fil-paċi u fis-sigurtà. (Isaija 32:16-18) Alla jqis lil kulħadd l-istess, allura kulħadd se jiġi ttrattat sew. Id-dwejjaq, il-biki, u l-uġigħ li ġġib l-inġustizzja se jispiċċaw għal dejjem. U maż-żmien lanqas biss se niftakru l-inġustizzji li għaddejna minnhom. (Isaija 65:17; Rivelazzjoni 21:3, 4) Għal iżjed informazzjoni, ara l-artiklu “Is-Saltna t’Alla X’Se Twettaq?

Tistaʼ temmen il-wegħda t’Alla li se jneħħi l-inġustizzja kollha mid-dinja?

 Iva. Il-Bibbja turi li dak li qalet permezz tal-profeziji dejjem sar, meta titkellem fuq l-istorja u x-xjenza dejjem hi eżatta, u mill-bidu sal-aħħar il-Bibbja taqbel f’dak li tgħid. Dawn juru li tistaʼ tafda dak li twegħedna. L-artikli li ġejjin jagħtu iżjed informazzjoni:

Għandna niġġieldu kontra l-inġustizzja?

 Nies tajbin fiż-żminijiet tal-Bibbja għamlu dak kollu li setgħu biex ma jiġux trattati b’mod inġust. Pereżempju, l-appostlu Pawlu ġie mhedded b’kawża inġusta li setgħet twassal għall-mewt. Hu ma qabadx u aċċetta din l-inġustizzja. Minflok, hu uża l-liġi li kienet tiddefendih u appella biex jidher quddiem Ċesari.—Atti 25:8-12.

 Imma jipprovaw kemm jipprovaw, in-nies mhux se jirnexxilhom ineħħu l-inġustizzja. (Ekkleżjasti 1:15) Però, ħafna sabu li meta jafdaw fil-wegħda t’Alla li se jkun hawn il-ġustizzja fid-dinja, tgħinhom ikollhom il-paċi meta jiffaċċjaw l-inġustizzja.

a Ġeħova hu l-isem persunali t’Alla.—Salm 83:18.