Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għad-drama bbażata fuq il-Bibbja kien hemm bżonn iżjed minn 27,500 kilogramma taʼ żrar fl-istudjow taʼ Mt. Ebo

KIF JINTUŻAW ID-DONAZZJONIJIET TIEGĦEK?

Vidjows għall-Konvenzjoni Reġjonali 2020 ‘Ifraħ Dejjem’!

Vidjows għall-Konvenzjoni Reġjonali 2020 ‘Ifraħ Dejjem’!

10 T’AWWISSU 2020

 Il-vidjows fil-konvenzjonijiet reġjonali tagħna jmissulna qalbna u jgħinuna nifhmu aħjar x’tgħid il-Bibbja. Fil-Konvenzjoni Reġjonali 2020 ‘Ifraħ Dejjem’! hemm 114-il vidjow. Dawn jinkludu t-43 taħdita mingħand il-Ġemgħa li Tiggverna u l-ajjutanti tagħhom. Qatt ħsibt fuq ix-xogħol u l-flus li hemm bżonn biex isiru dawn il-vidjows?

 Madwar 900 ħu u oħt madwar id-dinja għamlu dan kollu possibbli bil-ħin u l-esperjenza tagħhom. B’kollox, huma qattgħu kważi 100,000 siegħa fuq perjodu taʼ sentejn biex ilestu dan il-proġett. Dan jinkludi s-70,000 siegħa biex titlesta d-drama taʼ 76 minuta bl-isem Neħemija: “Il-Ferħ taʼ Ġeħova Hu l-Fortizza Tagħkom.”

 Kif tistaʼ timmaġina, kien hemm ħafna spejjeż biex nieħdu ħsieb lill-aħwa li kienu lesti jieħdu sehem f’dan il-proġett, biex nagħtuhom is-sapport tekniku, biex ikollhom fejn jaħdmu, u biex ikollhom l-apparat li kellhom bżonn ħalli jlestu dan ix-xogħol.

 Jared Gossman, li jaħdem mas-Servizzi tal-Awdjo u tal-Vidjow, jgħid: “Il-Kumitat tat-Tagħlim tal-Ġemgħa li Tiggverna vera jixtieq li jkun hemm varjetà taʼ kulturi u postijiet differenti fil-vidjows tagħna. Dan għaliex aħna familja spiritwali mad-dinja kollha u rridu li l-vidjows juru dan. Sabiex nilħqu din il-mira, 24 tim fi 11-il pajjiż differenti ħadmu flimkien f’dan il-proġett. Kellna bżonn ħafna flus, ippjanar, u komunikazzjoni tajba biex in-nies jaħdmu sew flimkien madwar id-dinja.”

 Ħafna mill-vidjows tagħna għandhom bżonn apparat u xeni partikolari. Pereżempju, ix-xeni għal Neħemija: “Il-Ferħ taʼ Ġeħova Hu l-Fortizza Tagħkom” ġew mibnijin ġewwa l-istudjow Mt. Ebo viċin Patterson, New York. Sabiex id-donazzjonijiet jintużaw bl-aħjar mod u fl-istess ħin id-drama tidher realistika, l-aħwa bnew swar minn materjal ħafif biex jixbhu s-swar li kien hemm Ġerusalemm. Kull parti tas-swar ġiet mibnija minn struttura tal-injam. Din kienet għolja sitt metri u ġiet miksija b’fowm li ġie miżbugħ b’żebaʼ biex jixbah il-ġebel. Dawn “is-swar” setgħu jitmexxew biex jagħmlu xeni differenti, u b’hekk ma kellniex għal xiex nibnu xena għal kull parti tad-drama. Imma xorta waħda kien hemm bżonn kważi €85,000 biex jinbnew ix-xeni tad-drama biss. a

 Issa li nafu iżjed kif saret il-konvenzjoni reġjonali taʼ din is-sena, jgħinna napprezzawha iżjed. Aħna ċerti li l-isforzi li saru biex issir din il-konvenzjoni se jġibu tifħir lil Ġeħova madwar id-dinja. Grazzi ħafna tad-donazzjonijiet li tagħtu għax-xogħol taʼ madwar id-dinja permezz taʼ donate.dan124.com u modi oħra.

a Ix-xeni għal Neħemija: “Il-Ferħ taʼ Ġeħova Hu l-Fortizza Tagħkom” ġew mibnijin qabel il-pandemija tal-COVID-19. Dak iż-żmien ma kienx hemm bżonn li tinżamm distanza bejn in-nies.