Mur fil-kontenut

GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA

X’nistaʼ nagħmel jekk it-tfal tiegħi qed jiġu bullied?

X’nistaʼ nagħmel jekk it-tfal tiegħi qed jiġu bullied?

 It-tifel tiegħek qed jgħid li jiġi bullied l-iskola. X’tistaʼ tagħmel? Tinsisti li l-iskola tikkastiga lill-persuna li bbuljat lit-tifel tiegħek? Tgħallem lit-tifel kif ipattihielu? Qabel tiddeċiedi, aħseb fuq dan li ġej. a

 X’għandi nkun naf dwar il-bullying?

 X’inhu bullying? Bullying isir meta wieħed jibqaʼ jweġġaʼ apposta lil xi ħadd ieħor fiżikament jew b’dak li jgħid u jagħmel. Allura, jekk xi ħadd jgħajrek jew ikun aggressiv miegħek, ma jfissirx li qed tiġi bullied.

 Għala hu importanti: Xi nies jużaw il-kelma “bullying” biex jirreferu għal kull atteġġament li jweġġaʼ, ikun kemm ikun żgħir. Imma jekk toqgħod taqlaʼ kwistjoni fuq kull ħaġa taʼ xejn, jistaʼ jkun li bla ma trid tibda tgħallem lit-tifel tiegħek li hu mhux kapaċi jsolvi l-problemi—xi ħaġa li għandu bżonn issa u fil-futur.

 Prinċipju Bibliku: “Tgħaġġilx biex tieħu għalik.”—Ekkleżjasti 7:9.

 L-iktar ħaġa importanti: Għalkemm f’xi każijiet ikun hemm bżonn li int tipprova tirranġa s-sitwazzjoni, każijiet oħrajn jistgħu jagħtu opportunità lit-tifel biex jitgħallem jegħleb id-diffikultajiet u jsolvi l-problemi man-nies.—Kolossin 3:13.

 Imma, x’tistaʼ tagħmel jekk it-tifel tiegħek qed jgħid li hemm xi ħadd li apposta qed jibqaʼ jittrattah ħażin?

 X’nistaʼ nagħmel?

  •   Ismaʼ bil-paċenzja dak li għandu x’jgħidlek it-tifel. Ipprova ifhem (1) x’ġara u (2) għala oħrajn qed jibbuljawh. Tasalx għal konklużjoni qabel ma jkollok il-fatti kollha. Saqsi lilek innifsek, ‘Jistaʼ jkun hemm affarijiet oħra li ma nafx dwarhom?’ Biex tifhem x’ġara eżatt, għandek mnejn tkun trid titkellem mal-għalliem tat-tifel tiegħek jew mal-ġenituri tat-tifel li qed jibbulja.

     Prinċipju Bibliku: “Meta xi ħadd iwieġeb qabel ma jismaʼ l-kwistjoni, dan ikun bluha min-naħa tiegħu u umiljazzjoni.”—Proverbji 18:13.

  •   Jekk it-tifel tiegħek vera qed jiġi bbuljat, għinu jirrealizza li dak li se jagħmel u jgħid meta jiffaċċja l-bullying jistaʼ jeffettwa jekk is-sitwazzjoni tmurx għall-aħjar jew għall-agħar. Pereżempju, il-Bibbja tgħid: “Tweġiba, meta tkun ħelwa, tkeċċi l-korla, imma kelma li tweġġaʼ tqajjem ir-rabja.” (Proverbji 15:1) Fil-fatt, meta tpatti tistaʼ tagħmel is-sitwazzjoni agħar, għax b’hekk il-bullying jiżdied flok jonqos.

     Prinċipju Bibliku: “Tpattux ħsara bi ħsara jew tgħajjir b’tgħajjir.”—1 Pietru 3:9.

  •   Spjega lit-tifel tiegħek li meta ma jpattix mhuwiex sinjal taʼ dgħufija anki jekk xi nies jaħsbu hekk. Għall-kuntrarju, dan se jagħti l-kuraġġ lit-tifel tiegħek għax ma jiġix ikkontrollat mill-ieħor. Sa ċertu punt, it-tifel ikun qed jirbaħ lill-bully mingħajr ma jagħmilha tal-bully hu stess.

     Hu importanti ħafna li t-tifel tiegħek iżomm dan f’moħħu jekk xi darba jiġi bullied fuq l-Internet jew bil-messaġġi. Jekk it-tifel jinvolvi ruħu f’argument jaħraq fuq l-Internet, hu jkun qed jagħti opportunità lill-bully biex jibqaʼ jibbuljah, u t-tifel tiegħek jistaʼ jispiċċa bir-reputazzjoni taʼ bully ukoll! B’hekk, kultant l-aħjar hu li ma tgħid xejn—tattika li aktarx se twaqqaf lill-bully.

     Prinċipju Bibliku: “Fejn m’hemmx ħatab in-nar jintefa.”—Proverbji 26:20.

  •   F’xi każi, it-tifel jistaʼ jevita nies li jistgħu jibbuljawh u postijiet fejn hemm ċans kbir li jiġi bbuljat. Pereżempju, jekk jaf fejn iħobbu jmorru dawk li jibbuljawh, jistaʼ jevita l-problemi billi jgħaddi minn xi mkien ieħor.

     Prinċipju Bibliku: “Min hu prudenti jara l-gwaj u jinħeba, imma dawk taʼ bla esperjenza jibqgħu sejrin u jkollhom iħallsu l-piena.”—Proverbji 22:3.

Għandek mnejn tkun trid titkellem mal-għalliem tat-tifel tiegħek jew mal-ġenituri tat-tifel li qed jibbulja

 IPPROVA DAN: Għin lit-tifel tiegħek jiddeċiedi x’inhu l-aħjar li jagħmel meta jkun qed jiġi bullied. Pereżempju:

  •  X’jistaʼ jiġri jekk jinjora lill-bully?

  •  Xi ngħidu jekk b’mod sod jgħid lill-bully biex jieqaf?

  •  Xi ngħidu jekk jirrapporta l-bullying l-iskola?

  •  Jistaʼ jwaqqaf lill-bully billi jkun dħuli jew jieħdu biċ-ċajt?

 Kull sitwazzjoni hi differenti, kemm jekk tiffaċċja xi bully wiċċ imb wiċċ u kemm jekk fuq l-Internet. Allura tkellem mat-tifel biex issibu soluzzjoni realistika. Aċċertah li se tgħinu matul din il-problema.

 Prinċipju Bibliku: “Ħabib veru jħobb il-ħin kollu; huwa ħu mwieled għal meta jkun hemm in-niket.”—Proverbji 17:17.

a Għalkemm dan l-artiklu se jirreferi għal tifel, il-prinċipji li jissemmew japplikaw ukoll għal tifla.