Mur fil-kontenut

Min hu jew x’inhu “l-​Alfa u l-​Omega”?

Min hu jew x’inhu “l-​Alfa u l-​Omega”?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 It-​terminu “l-​Alfa u l-​Omega” jirreferi għal Alla Ġeħova, Dak li Jistaʼ Kollox. Dan it-​terminu jidher tliet darbiet fil-​Bibbja.—Rivelazzjoni 1:8; 21:6; 22:13. a

Alla għala jsejjaħ lilu nnifsu “l-​Alfa u l-​Omega”?

 L-​alfa u l-​omega huma l-​ewwel u l-​aħħar ittri tal-​alfabett Grieg, il-​lingwa li nkitbet biha l-​parti tal-​Bibbja li ħafna jsibuha bħalha t-​Testment il-​Ġdid, li tinkludi l-​ktieb taʼ Rivelazzjoni. Il-​pożizzjoni taʼ dawn l-​ittri fl-​alfabett Grieg jintużaw biex jintwera li Ġeħova biss hu l-​bidu u t-​tmiem. (Rivelazzjoni 21:6) Hu kien l-​Alla li Jistaʼ Kollox fil-​passat infinit, u hu se jibqaʼ jkun l-​Alla li Jistaʼ Kollox għal dejjem taʼ dejjem. Hu l-​uniku wieħed li eżista “minn dejjem għal dejjem.”—Salm 90:2.

Min hu “l-​ewwel u l-​aħħar”?

 Il-​Bibbja tuża dawn it-​termini kemm għal Alla Ġeħova u kemm għal Ibnu, Ġesù, imma b’tifsir differenti. Ikkunsidra żewġ eżempji.

  •   F’​Isaija 44:6, Ġeħova jgħid: “Jien l-​ewwel u jien l-​aħħar, u m’hemm ebda Alla ħliefi.” Hawnhekk Ġeħova qed jenfasizza li hu l-​Alla l-​veru għal dejjem; m’hemm ħadd iktar apparti hu. (Dewteronomju 4:35, 39) Allura f’dan il-​każ, l-​espressjoni “l-​ewwel u l-​aħħar” għandha l-​istess tifsir bħall-​espressjoni “l-​Alfa u l-​Omega.”

  •   Apparti minn hekk, it-​terminu “l-​Ewwel [protos, mhux alfa] u l-​Aħħar [eskatos, mhux omega]” jidher f’​Rivelazzjoni 1:17, 18 u 2:8. F’dawn il-​versi, il-​kuntest juri li dan l-​individwu miet u mbagħad reġaʼ ħa l-​ħajja. B’hekk, dawn il-​versi ma jistgħux jirreferu għal Alla għax hu qatt ma miet. (Ħabakkuk 1:12) Però, Ġesù miet u ġie rxoxtat. (Atti 3:13-​15) Hu kien l-​ewwel bniedem li ġie rxoxtat għall-​ħajja bħala spirtu immortali fis-​sema, fejn issa qed jgħix “għal dejjem taʼ dejjem.” (Rivelazzjoni 1:18; Kolossin 1:18) Minn dakinhar ’il quddiem, Ġesù hu dak li beda jagħmel kull irxoxt. (Ġwanni 6:40, 44) Għaldaqstant, hu kien l-​aħħar wieħed li ġie rxoxtat b’mod dirett minn Ġeħova. (Atti 10:40) B’hekk, Ġesù jistaʼ jissejjaħ b’mod xieraq “l-​Ewwel u l-​Aħħar.”

L-​iskrittura taʼ Rivelazzjoni 22:13 tagħti prova li Ġesù hu “l-​Alfa u l-​Omega”?

 Le. Mhuwiex ċar min qed jitkellem f’​Rivelazzjoni 22:13, u hemm iktar minn individwu wieħed li qed jitkellem f’dan il-​kapitlu. Meta l-​Professur William Barclay ikkummenta fuq din il-​parti tal-​ktieb taʼ Rivelazzjoni, hu kiteb: “L-​affarijiet mhumiex miktubin b’xi ordni partikolari; . . . u spiss ikun diffiċli ħafna biex tgħid fiċ-​ċert min verament qed jitkellem.” (The Revelation of John, it-​2 Volum, Edizzjoni Riveduta, paġna 223) B’hekk, jistaʼ jingħad li t-​terminu “l-​Alfa u l-​Omega” f’​Rivelazzjoni 22:13 qed jirreferi għall-​istess Individwu li ġie mogħti dan it-​titlu f’postijiet oħra f’​Rivelazzjoni—Alla Ġeħova.

a Ir-​rabaʼ darba jidher f’​Rivelazzjoni 1:11 fil-​Bibbja tal-​King James Version. Però, il-​maġġorparti tat-​traduzzjonijiet moderni ma jittraduċux din il-​biċċa peress li ma tinstabx fl-​eqdem manuskritti Griegi. Imma milli jidher dan it-​terminu kien ġie miżjud iktar tard f’kopji tal-​Iskrittura.