Mur fil-kontenut

Il-Bibbja fiha kontradizzjonijiet?

Il-Bibbja fiha kontradizzjonijiet?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 Le, il-​Bibbja kollha hi fi qbil. Filwaqt li xi siltiet jistgħu jidhru li l-​Bibbja tikkontradixxi lilha nfisha, normalment dawn tistaʼ tifhimhom b’mod korrett billi tapplika prinċipju jew iktar minn dawn li ġejjin:

  1.   Ikkunsidra l-​kuntest. Kwalunkwe awtur jistaʼ jidher li qed jikkontradixxi lilu nnifsu jekk kliemu jiġi meħud barra l-​kuntest.

  2.   Ikkunsidra l-​ħarsa tal-​kittieb. Xhieda taʼ xi ġrajja jistgħu jiddeskrivu din b’mod eżatt imma ma jużawx l-​istess kliem jew jinkludu l-​istess dettalji.

  3.   Ikkunsidra fatti u drawwiet storiċi.

  4.   Agħmel distinzjoni bejn l-​użu figurattiv u letterali taʼ kelma.

  5.   Irrikonoxxi li xi ħaġa tistaʼ tiġi attribwita lil xi ħadd, jiġifieri jingħad li jkun għamel xi ħaġa hu, anki jekk ma jkunx għamilha hu personalment. a

  6.   Uża traduzzjoni eżatta tal-​Bibbja.

  7.   Tipprovax iġġib fi qbil dak li tgħid il-​Bibbja maʼ ideat jew twemmin reliġjuż żbaljat.

 L-​eżempji li ġejjin juru kif dawn il-​prinċipji jistgħu jispjegaw xi ftit minn dawk li jidhru li huma inkonsistenzi fil-​Bibbja.

L-​1 prinċipju: Il-​kuntest

  Jekk Alla straħ fis-​sebaʼ jum, allura kif baqaʼ jaħdem? Il-​kuntest tar-​rakkont tal-​ħolqien fil-​Ġenesi juri li l-​istqarrija li Alla “fis-​sebaʼ jum beda jistrieħ mix-​xogħol kollu tiegħu li kien għamel” tirreferi speċifikament għax-​xogħol tiegħu tal-​ħolqien fiżiku li għandu x’jaqsam mal-​art. (Ġenesi 2:2-​4) Ġesù ma kkontradixxiex dan għax meta qal li Alla “baqaʼ jaħdem s’issa,” hu kien qed jitkellem dwar xogħlijiet oħrajn t’Alla. (Ġwanni 5:17) Ix-​xogħlijiet t’Alla jinkludu l-​ispirazzjoni tal-​Bibbja u l-​mod kif jiggwida u jieħu ħsieb il-​bnedmin.​—Salm 20:6; 105:5; 2 Pietru 1:​21.

It-​2 u t-​3 prinċipju: Il-​ħarsa u l-​istorja

  Ġesù fejn fejqu lir-​raġel agħma? Il-​ktieb taʼ Luqa jgħid li Ġesù fejjaq raġel agħma meta Ġesù kien “qed joqrob lejn Ġeriko,” filwaqt li l-​istess rakkont f’​Mattew isemmi żewġt irġiel għomja u jgħid li l-​fejqan seħħ meta Ġesù kien ‘ħiereġ minn Ġeriko.’ (Luqa 18:35-​43; Mattew 20:29-​34) Dawn iż-​żewġ rakkonti li huma miktubin minn ħarsa taʼ kittieba differenti fil-​fatt jikkumplimentaw lil xulxin. Rigward in-​numru ta’ rġiel, Mattew hu iktar speċifiku billi jsemmi li kien hemm tnejn, filwaqt li Luqa jiffoka fuq ir-​raġel li Ġesù kellem direttament. U dwar il-​post fejn sar il-​fejqan, l-​arkeoloġi sabu li fi żmien Ġesù, Ġeriko kienet belt doppja—kien hemm il-​belt Lhudija antika madwar kilometru u nofs ’il bogħod mill-​belt Rumana iktar ġdida. Jistaʼ jkun li Ġesù kien bejn iż-​żewġt ibliet meta għamel dan il-​miraklu.

Ir-​4 prinċipju : Termini figurattivi u letterali

  L-​art se tinqered? F’​Ekkleżjasti 1:4, il-​Bibbja tgħid li “l-​art tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” Dan għal xi wħud jidher li jikkontradixxi l-​istqarrija li “l-​art b’kull ma fiha tkun maħruqa min-​nar.” (2 Pietru 3:10, Il-​Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) Madankollu, fil-​Bibbja l-​kelma “art” tintuża sew b’mod letterali billi tirreferi għall-​pjaneta tagħna, u sew b’mod figurattiv billi tirreferi għan-​nies li jgħixu fid-​dinja. (Ġenesi 1:1; 11:1) Il-​qerda tal-​“art” li hi deskritta fit-​2 Pietru 3:​10 ma tirreferix għall-​qerda tal-​pjaneta tagħna imma għall-​“qerda taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla.”​—2 Pietru 3:7.

Il-​5 prinċipju: L-​attribuzzjoni

  F’Kafarnahum, min mar għand Ġesù bit-​talba taċ-​ċenturjun? Mattew 8:​5, 6 jgħid li ċ-​ċenturjun (fizzjal tal-​armata) innifsu mar għand Ġesù, filwaqt li Luqa 7:3 jgħid li ċ-​ċenturjun bagħat xi xjuħ tal-​Lhud biex jagħmlu t-​talba tiegħu. Din li tidher bħala kontradizzjoni fil-​Bibbja tistaʼ tiġi mifhuma li l-​fizzjal tal-​armata kien il-​wieħed li talab dan, imma bagħat ix-​xjuħ bħala r-​rappreżentanti tiegħu.

Is-​6 prinċipju: Traduzzjoni eżatta

  Aħna lkoll nidinbu? Il-​Bibbja tgħallem li aħna lkoll nirtu d-​dnub mill-​ewwel raġel, Adam. (Rumani 5:12) Xi traduzzjonijiet jidhru li jikkontradixxu dan billi jgħidu li individwu tajjeb “ma jidnibx.” (1 Ġwanni 3:6, GħBM) Però, fil-​lingwa oriġinali, il-​verb Grieg għall-​kelma “dnub” fl-​1 Ġwanni 3:6 hu fl-​imperfett (jew, fil-​preżent), li f’dik il-​lingwa normalment jindika azzjoni kontinwa. Hemm differenza bejn id-​dnub li jintiret, li ma jistax jiġi evitat, u d-​dnub li jsir apposta, li dak li jkun jiħodha drawwa li ma jobdix il-​liġijiet t’Alla. B’hekk, xi traduzzjonijiet jiċċaraw dik li tidher bħala kontradizzjoni billi b’mod eżatt jużaw frażijiet bħal “min ma jipprattikax id-​dnub.”​—Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida.

Is-​7 prinċipju: Il-​Bibbja, mhux dak li jgħid xi twemmin reliġjuż

  Huwa Ġesù daqs Alla jew inqas minn Alla? Ġesù darba qal: “Jien u l-​Missier ħaġa waħda.” Dan donnu jikkontradixxi l-​istqarrija tiegħu: “Il-​Missier akbar minni.” (Ġwanni 10:30; 14:28) Biex nifhmu dawn il-​versi b’mod korrett, irridu neżaminaw dak li l-​Bibbja tgħid verament dwar Ġeħova u Ġesù minflok ma nipprovaw inġibu dawn il-​versi fi qbil mat-​twemmin tat-​Trinità, li mhuwiex ibbażat fuq il-​Bibbja. Il-​Bibbja turi li Ġeħova huwa kemm Missier Ġesù kif ukoll l-​Alla tiegħu, il-​Wieħed li anki Ġesù jadura. (Mattew 4:10; Marku 15:34; Ġwanni 17:3; 20:17; 2 Korintin 1:3) Ġesù mhuwiex daqs Alla.

 Il-​kuntest tal-​istqarrija taʼ Ġesù “Jien u l-​Missier ħaġa waħda” juri li hu kien qed jitkellem dwar il-​fatt li hu u Missieru, Alla Ġeħova, għandhom l-​istess l-​iskop. Ġesù iktar tard qal: “Il-​Missier hu f’unjoni miegħi u jien f’unjoni mal-​Missier.” (Ġwanni 10:38) Ġesù kellu din l-​unità fl-​iskop anki mas-​segwaċi tiegħu, għax dwarhom talab lil Alla: “Jien tajthom il-​glorja li tajtni, sabiex ikunu ħaġa waħda bħalma aħna ħaġa waħda. Jien f’unjoni magħhom u int f’unjoni miegħi.”​—Ġwanni 17:22, 23.

a Pereżempju, fl-artiklu tagħha dwar it-Taj Mahal, l-Encyclopædia Britannica tgħid li “nbena mill-imperatur Mongolu Shah Jahân.” Però, dan ma bniehx hu personalment għax l-artiklu stess ikompli jgħid li “ġew impjegati iktar minn 20,000 ħaddiem” biex jinbena.